Investiment fis-sod jew frodi?
Fenomenu ġdid ta’ skemi li joffrulek l-eluf waslu fi xtutna wkoll
More in Politika
Fenomenu ġdid ta’ skemi li joffrulek l-eluf waslu fi xtutna wkoll
Riċentement qed jitilgħu ħafna videos u posts ta’ Maltin fuq il-midja soċjali li saru sinjuri f’ħakka t’għajn billi fetħu l-kumpanija tagħhom. Għalkemm tiġik it-tentazzjoni li tirriżenja u tibda tagħmel l-eluf mid-dar, meta wieħed jagħti titwila sew, jara li mhux kulma jleqq hu deheb.
Fl-Amerka, dawn huma magħrufa bħala pyramid schemes, hekk kif wieħed jaqla’ iżjed meta jkun viċin il-quċċata. Dawn jaħdmu billi l-ewwel investitur jingaġġa numru ta’ investituri oħra, li minflok ibigħu prodott, jingaġġaw iżjed investituri u l-flus jibqgħu jitilgħu ’l fuq.
Mhux persuna waħda jew tnejn, imma numru mhux ħażin ta’ Maltin qed itellgħu videos jirriklamaw il-kumpanija tagħhom. Dettalji fuq il-kumpanija huma daqsxejn ambigwi hekk kif il-kumpanija tissejjaħ Digital Business bla indikazzjoni jekk hux xi tip ta’ marketing jew xi settur ieħor li ssibu b’mod diġitali. Il-prodotti li jidhru li qed ibigħu dawn l-intraprendituri huma workshops li jħarrġu lil dak li jkun fuq kif isiru aħjar fil-ħiliet li hemm bżonn sabiex titmexxa l-kumpanija.
Il-vjaġġ jibda b’webinar b’xejn li jħajrek sabiex tapplika u tkompli dan il-vjaġġ. Sabiex tkompli, trid tħallas $149 billi ddaħħal id-dettalji tal-card bankarja tiegħek. Wara li tħallas, għandu jkollok aċċess għall-komunità ta’ iżjed minn 200,000 ruħ minn madwar id-dinja, videos qosra li jispjegaw kif taħdem is-sistema inkluż liema kumpaniji jaħdmu magħhom, bonuses, u 30 ġurnata ċans sabiex tieħu flusek lura. Barra minn hekk, dawn il-flus għandhom ikoprulek is-sit tiegħek stess, backoffice, telefonata li tgħinek tibda dan il-vjaġġ u t-training kollu.
Hemm iżjed minn “kumpanija” waħda bħal dawn, kollha li jkollhom sit elettroniku bil-URL tkun isem l-intraprenditur, li titolbok iddaħħal ismek u l-indirizz tal-email. Flimkien ma’ dan, hemm ukoll testimonjali ta’ nies li bdew l-istess kumpanija. Meta ġew mistoqsija ftit minn dawn l-intraprendituri fuq il-fatt li hemm siti simili, huma qalu li dawn m’għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin avolja hemm ċerti testimonjali tal-istess persuni, bl-istess ritratt u messaġġ simili.