Il-Labour b’vantaġġ ċkejken fuq il-PN

Vantaġġ ta’ 7,600 vot biss | 41% jgħidu li l baġit ma bidilx il-pożizzjoni tagħhom | Robert Abela b’vantaġġ ta’ 10 punti b’fiduċja fuq Alex Borg 

Il-Partit Laburista għadu qed iżomm l-istess vantaġġ ċkejken fuq il-Partit Nazzjonalista li kellu fl-aħħar sondaġġ li sar qabel il-baġit. Dan joħroġ mill-aħħar stħarriġ tal-gazzetta oħt il-MaltaToday li sar fil-ġimagħtejn ta’ wara l-baġit. Ir-riżultati juru li l-baġit ma biddilx l-għażliet tal-elettorat: il-PL għandu 48.7% tal-appoġġ, kontra 46.1% tal-PN — distakk ta’ tliet punti identiku għal dak ta’ Ottubru. Fuq bażi ta’ turnout stmat ta’ 81%, dan jissarraf f’vantaġġ ta’ madwar 7,600 vot. 

Minkejja dawn ix-xejriet, il-PL jibqa’ jgawdi livell għoli ta’ fiduċja fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, bi kważi nofs ir-rispondenti jisħqu li jafdawh aktar mill-PN, filwaqt li huma biss 21% li jafdaw lill-PN f’dan il-qasam kruċjali. Madankollu, 41% jgħidu li l-baġit ma bidilx il-pożizzjoni personali tagħhom — sinjal li, minkejja l-fiduċja fil-gvern fuq il-finanzi, il-benefiċċji mhux dejjem qed jinħassu fil-but ta’ kuljum. 

L-istħarriġ juri wkoll li Robert Abela għandu vantaġġ ta’ 10 punti fuq Alex Borg bħala l-iktar mexxej fdat biex imexxi l-pajjiż, tnaqqis żgħir meta mqabbel ma’ Ottubru

L-astensjoni fost il-Laburisti tiżdied 

Iżda minkejja dan il-vantagg, il-partit fil-gvern qed jaffaċċja pressjoni dejjem tikber minn żewġ fronti: żieda fl-astensjoni fost il-votanti Laburisti tal-2022 u telf żgħir iżda persistenti ta’ appoġġ lejn il-PN. Fil-fatt, l-astensjoni fost il-votanti Laburisti telgħet għal 11.8%, meta mqabbla ma’ 9.9% f’Ottubru u 6.7% f’Ġunju. Dan jindika li l-istrateġija tal-aħħar xhur biex terġa’ tqanqal il-bażi Laburista ma kinitx biżżejjed biex iżżomm il-vot kollu, possibbilment għax aljenat votanti aktar moderati. 

Min-naħa l-oħra, il-PN taħt il-kap il-ġdid Alex Borg qed juri sinjali ta’ rkupru. L-astensjoni fost il-votanti Nazzjonalisti tal-2022 naqset għal 5%, u l-partit issa jżomm 86.8% tal-voti tiegħu ta’ sentejn ilu — proporzjon ogħla minn dak tal-PL, li jżomm 78.9%. Is-sondaġġ jindika wkoll moviment nett żgħir mill-PL lejn il-PN: 7.9% tal-Laburisti tal-2022 issa jgħidu li se jivvutaw PN, filwaqt li l-PN qed jitlifhom 5.4% biss lejn il-PL. 

Element ġdid li ħareġ minn dan is-sondaġġ huwa diviżjoni ċara bejn l-irġiel u n-nisa: il-PL għandu vantaġġ ta’ 13-il punt fost l-irġiel iżda jitlef bi 8 punti fost in-nisa — distakk li jmur lil hinn mix-xejriet preċedenti, għalkemm minħabba l-marġni ta’ żball ogħla fi gruppi iżgħar, dan irid jiġi osservat fuq perjodu itwal. 

More in Politika