Dokument li nħareġ ilbieraħ tard filgħaxija jikxef kif illum, il-Ħamis il-mexxejja tal-pajjiżi tal-UE jafu jilħqu ftehim fuq proġett ta' resettlement għal 5,000 persuna li huma eliġibbli għall-protezzjoni. Il-bqija jintbagħtu lura bħala immigranti irregolari taħt programm ta' ripattriazzjoni rapida ġdid li hu kkoordinat mill-Frontex, l-aġenzija tal-fruntieri tal-UE.
Il-gazzetta Ingliża The Guardian qed tirraporta kif tal-anqas 150,000 immigrant li rnexxilhom isalvaw mill-vjaġġ perikoluż li jagħmlu biex jilħqu l-Ewropa, jaf jiġu ripattrijati.
Il-gazzetta kellha aċċess għall-abbozz ta' konklużjoni tal-laqgħa għolja imsejħa b'emerġenza u li ħa ssir aktar tard illum. Fl-istess dokument jidher li ftit li xejn hemm possibilità għal operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ akbar madwar il-Mediterran kollu, bħala tweġiba għall-kriżi umanitarja - minkejja l-pressjoni li kull ma jmur dejjem qed tiżdied.
Il-mexxejja tal-UE mistennija jikkonfermaw id-deċiżjoni tal-Ministri Ewropej għall-affarijiet barranin u interni - li jiżdied l-iffinanzjar għall-2015 u 2016, fil-waqt li "jissaħħu mill-ġdid" l-assi tal-Operazzjoni Triton u l-Operazzjoni Poseidon li joperaw 30 mil 'il bogħod mill-kosta Taljana.