Min jagħti l-organi jkun qiegħed jagħti r-rigal tal-ħajja – Chris Fearne

Konsultazzjoni pubblika dwar id-donazzjoni tal-organi

Konsultazzjoni pubblika dwar id-donazzjoni tal-organi
Konsultazzjoni pubblika dwar id-donazzjoni tal-organi

Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Chris Fearne llum nieda white paper għal konsultazzjoni pubblika dwar id-donazzjoni tal-organi u t-tessut.
 
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne qal li min jiddeċiedi li jagħti l-organi jkun qiegħed jagħti r-rigal tal-ħajja; b'min jirċievi organu jingħata l-unika soluzzjoni li jkun għad baqa’ għal tama biex jgħix. Fearne spjega li sa issa f’Malta ma għandniex qafas legali li jirregolarizza d-donazzjoni tal-organi.
 
“Wara ħidma ta’ numru ta’ xhur li involviet kontribut mill-grupp parlamentari, se nkunu qegħdin nippreżentaw għall-konsultazzjoni dan id-dokument li se jwassal biex f’din is-sena stess ikollna qafas legali li jirregolarizza d-donazzjoni tal-organi u t-tessut” qal Chris Fearne.
 
Spjega d-diversi għażliet li jistgħu jiġu implimentati fosthom l-hekk imsejħa opt-in (meta d-donatur ikun iddeċida f’ħajtu  li jagħti l-organi u  dik opt-out (fejn wiehed jitqies donatur sakemm ma jkunx espliċitament qal li ma jridx ikun). Barra minn hekk hemm ukoll  metodu msejjaħ hard (fejn l-għażla li jagħmel id-donatur matul ħajtu ma tkunx tista’ tinbidel) jew dak soft (l-għażla li jagħmel id-donatur tkun tista’ tinbidel mill-familjari tiegħu).

Is-segretarju parlamentari saħaq li kollox ma’ kollox se jibqa’ jiġi mħares il-prinċipju li min jagħti l-organi matul ħajtu ma jagħmilx dan għal profitt u lanqas jista’ jsir reklamar għad-donazzjoni tal-organi. Il-leġislazzjoni mistennija wkoll tagħti definizzjoni tal-mument tal-mewt, meta persuna tista’ titqies mejta u għalhekk jistgħu jitteħdulha l-organi.

Il-konsultazzjoni pubblika dwar id-donazzjoni tal-organi se tibqa’ miftuħa sal-20 ta’ Mejju.

 

More in Politika