Liquigas Malta Ltd illum sottomettiet protest ġudizzjarju fil-Qorti, fejn qed takkuża lill-kompetitur tagħha, Easygas Malta Ltd, b’għadd ta’ reati fosthom il-vjolazzjoni ta’ drittijiet ta’ propjetà u ksur fir-regolamenti tas-sigurtà. Dan il-protest ġudizzjarju kien sottomess minn Liquigas wara li l-kumpanija nnutat li ċ-ċilindri ħodor u sofor tagħha kienu qed jinżebgħu kulur griż skur, jintlew minn Easygas, u jitqegħdu fuq is-suq bħala ċilindri ta’ Easygas. Fix-xhur li għaddew, Liquigas ressqet għadd ta’ ilmenti lill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi li min-naħa tagħha ħarġet ordni lil Easygas biex tieqaf u ma tkomplix (cease and desist order) tiżbogħ mill-ġdid iċ-ċilindri ta’ Liquigas, u tirritorna dawn iċ-ċilindri lil Liquigas bħala s-sid propju tagħhom.
Din l-azzjoni ta’ Easygas mhux biss tikser id-dritt ta’ propjetà ta’ Liquigas iżda tagħmilha wkoll diffiċli biex wieħed jidentifika min hu responsabbli għal dak iċ-ċilindru partikolari.
Liquigas enfasizzat li t-traċċabbilità ta’ ċilindri hi neċessarja biex tiżgura sigurtà għax ċilindru tal-gass hu meqjus bħala tagħmir bi pressa u din is- sigurtà hi meħtieġa meta kontenitur ta’ prodott flammabbli, bħalma huma ċ-ċilindri tal-gass, jkunu qed jinġarru minn post għal ieħor.
Liquigas żiedet li kull ċilindru jingħata ċertifikat individwalment u permezz ta’ din iċ-ċertifikazzjoni, wieħed ikun jaf ta’ min hu dak iċ-ċilindru partikulari.
Liquigas qalet li l-aġir ta’ Easygas qed iwassalha biex issofri danni li, fost oħrajn, jinkludu l-ispejjeż biex jerġgħu jinżebgħu ċ-ċilindri lura għall-kulur aħdar distintiv ta’ Liquigas u biex ikunu inseriti mill-ġdid il-marki distintivi ta’ Liquigas fuq l-istess ċilindri.
Kelliem għal Liquigas qal: “Dan mhux każ iżolat, imma hi sistema ripetuta kemm il-darba, fejn Easygas ippruvat ħafna drabi tbiegħ il-gass tagħha fiċ-ċilindri tagħna minflok tinvesti fiċ-ċilindri tagħha stess.”
F’Novembru tal-2011, Liquigas skopriet li Easygas qed tibgħat iċ-ċilindri ta’ Liquigas lejn Salerno fl-Italja biex jinżebgħu ġriż skur, imma l-awtoritajiet Taljani rrilaxxaw dawn iċ-ilindri lura fil-pussess ta’ Liquigas.
F’Novembru 2013, inkisbet evidenza fuq vidjow fejn turi lil Easygas timla’ b’mod abbużiv u llegali ċ-ċilindri ħodor u sofor ta’ Liquigas. L-MRA issiġillat it-tagħmir illegali ta’ mili taċ-ċilindri li instab fil-bitħa ta’ Easygas f’Ħal Luqa.
F’Settembru 2014, Liquigas irrappurtat lill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi li ċ-ċilindri sofor u ħodor tagħha kienu qed jinżebgħu mill-ġdid kulur griż skur. F’Novembru li għadda l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi ħarġet mandat ta’ cease and desist kontra Easygas.
F’dawn iċ-ċirkostanzi Liquigas ma fadlilha l-ebda għażla oħra ħlief li tissottometti protest ġudizzjarju fejn qed titlob lill-Qorti biex twaqqaf lil Easygas milli tkompli għaddejja bl-abbuż li issa ilu għaddej numru ta’ snin.