Il-Petizzjoni Parlamentari, frott tal-kampanja ‘Manoel Island: Post Għalina’ immexxija minn Moviment Graffitti u Flimkien għal Ambjent Aħjar, tingħalaq b’ 29,041 firma.
Din il-petizzjoni qiegħda titlob sabiex Manoel Island terġa tiġi f’idejn il-poplu u tinbidel f’park nazzjonali, minflok tiġi żviluppata għal-għannijiet kummerċjali.
Fost dawk li appoġġjaw il-kampanja kien hemm l-eks Prim Ministru Alfred Sant, l-eks Ministru Evarist Bartolo, u d-deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg. Il-partit Momentum mexxa kampanja simili t’appoġġ għall-petizzjoni, filwaqt li ADPD ukoll esprimiet l-appoġġ tagħha għal dan l-għan.
“L-ispiża ta’ nuqqas ta’ azzjoni hi ferm ikbar minn kwalunkwe kumpens temporanju. Din hija opportunità ta’ darba biex nagħtu prijorità lill-kwalità tal-ħajja u s-saħħa, b’azzjoni deċiżiva mmexxija mir-rieda popolari,” qal Robert Louis Fenech, li f’ismu ġiet sottomesssa l-petizzjoni.
Bħalissa, il-MIDI, konsorzju ta’ kumpaniji, għandha konċessjoni għal 99 sena fuq Manoel Island, li ingħatat fl-2000 konsensus unanimu mill-Parlament. Avolja, hemm klawżola li tisħaq li l-proġett għandu jkun “sostanzjalment komplut” sa Marzu tal-2026, inkella l-konċessjoni titħassar.
Il-MIDI qalet li dan id-dewmien kien riżultat ta’ ċirkostanzi li lil hinn mill-kontroll tagħha. Il-pjanijiet tal-konsorzju jinkludu ‘l fuq minn 300 appartament, lukanda u numru ta’ ħwienet kummerċjali.
“Il-ġbir tal-firem wera kemm hija popolari l-ħolma ta’ park nazzjonali fuq Manoel Island. Minn kunċerti rock sa prestazzjonijiet tal-orkestra nazzjonali, minn anzjani li jiftakru kif kienet il-gżira qabel ma ngħalqet illegalment, sa studenti tal-Junior College – in-nies ma ħasbuhiex darbtejn biex jiffirmaw meta ngħataw il-viżjoni ta’ Manoel Island bħala park nazzjonali,” tkellmet Marie Claire Gatt, kelliema għal Manoel Island: Post Għalina