Joseph Muscat jiltaqa' mal-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Diskussi temi ta' interess bejn Malta u l-Unjoni Ewropea

Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu ltaqa' mal-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea Donald Tusk fejn ġew diskussi temi ta' interess bejn Malta u l-Unjoni Ewropea bħas-sitwazzjoni fil-Libja u l-Ukrajna, tassazzjoni u l-futur tal-Ewro kif ukoll l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Il-Prim Ministru qal li s-sitwazzjoni fil-Libja qed issir iktar u iktar serja u għandha tingħata attenzjoni ħafna ikbar fl-Unjoni Ewropea. Qal li l-Ewropa għandha tieħu rwol fil-mod ta’ kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni fil-Libja u dwar dan jeżisti qbil fost pajjiżi oħra Ewropej inkluż l-Italja u Franza.

Ġiet diskussa wkoll is-sitwazzjoni kif qed tiżviluppa fl-Ukrajna u dwar passi ulterjuri li tista' tieħu l-Unjoni Ewropea.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-bżonn li kwistjonijiet ta' tassazzjoni jibqgħu kompetenza ta' membri stati bħala prinċipju sagrosant kif speċifikat fit-trattati tal-Unjoni Ewropea.

Dwar l-aħħar żviluppi bl-elezzjoni tal-Partit tax-Xellug Syriza fil-Greċja, il-Prim Ministru qal li jemmen li għandu jkun hemm xi forma ta' flessibiltà iżda f'qafas fejn ma jintmissx it-taxpayer.

 

Video is unavailable at this time.

More in Politika