
Jirnexxilu jressaq il-Laburisti lejn ġurnata nazzjonali waħda
Huwa l-waqt li ningħaqdu aktar minn qatt qabel

Joseph Muscat
More in Politika
Huwa l-waqt li ningħaqdu aktar minn qatt qabel
Ħamsin sena ilu nofs ġens għażlu li ma jiċċelebrawx Jum l-Indipendenza. Ilbieraħ kienet ġurnata differenti. Determinazzjoni u l-ebusija r-ras kienu fost il-fatturi li ġiegħlu l-Prim Ministru Joseph Muscat jintefa’ bir-ras biex jagħmel illum 21 ta’ Settembru l-jum nazzjonali tal-Maltin kollha inkluż il-maġġoranza tal-Laburisti.
Il-fatt li stieden lil Simon Busuttil bħala kap tal-Oppożizzjoni biex jitkellem flimkien miegħu u l-President ilbieraħ f’Ta’ Liesse kien bla preċedent. Il-fatt li ftit ġranet ilu kellu jkun hu li jniedi momument ta’ Guido de Marco juri sa fejn ried jasal. Importanti wkoll li ħalla l-attivitajiet tal-Indipendenza f’idejn Lou Bondi, persuna li kellu assoċjazzjoni twila mal-Partit Nazzjonalista u kien ikkunsidrat bħala wieħed. Jidher li wara llum il-firda dwar jum wieħed, jum nazzjonali wieħed se tkun kwistjoni tal-passat.
“In-nies xebgħu bil-piki tal-aħmar u l-blu, li jkun hemm dibattitu politiku hija xi ħaġa normali f’demokrazija, iżda għandna għalfejn nargumentaw fuq festi li ġraw 50, 40 u 35 sena ilu? Dawn il-festi nazzjonali huma wlied l-istess omm, u ma setgħux iseħħu kieku ma kinux flimkien. Dan huwa l-waqt li ningħaqdu aktar minn qatt qabel” dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt li kien qiegħed jindirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali taċ-Ċentru Laburista ta’ Ħal Qormi.
“L-Indipendenza, ir-Repubblika u l-Ħelsien huma tal-poplu kollu u għalhekk inħeġġeġ lill-poplu biex kulħadd jingħaqad u jiċċelebra l-Indipendenza. Irridu nuru li dan il-poplu immatura u kiber, u tikber billi tagħmel pass ’il quddiem. Jekk din tirnexxi, bħal ma jien persważ li se tkun, se nkunu qed nagħtu rigal lill-ġenerazzjoni li ġejja, għax se nkunu għamilna pass li xtaqu jagħmlu ġenerazzjonijiet ta’ qabel iżda li ma rnexxilhomx” saħaq Muscat.
Hu żied jgħid li meta tkun fit-tmexxija tal-pajjiż trid tieħu d-deċiżjonijiet, liema deċiżjonijiet ikunu diffiċli u fejn ma jkollokx il-lussu tal-ħin u informazzjoni kompleta, iżda li dawn iridu jittieħdu fl-interess tal-poplu.
Il-Mexxej Laburista spjega kif waħda minn dawn id-deċiżjonijiet diffiċli ttieħdet propju din il-ġimgħa meta kien hemm informazzjoni li vapur kien qiegħed ibaħħar viċin Malta u li fuqu seta’ kien hemm persuna li kienet infettata bl-ebola. “Ma konniex nafu jekk kellhiex vera dan il-virus jew jekk kienx hemm aktar nies. Iżda dak il-ħin trid tieħu d-deċiżjonijiet, li jagħmlu s-sens għall-pajjiżna” stqarr il-Prim Ministru. “Aħna lesti li ngħinu u nagħtu li nistgħu lill-umanità, iżda ma tistax tagħti dak li m’għandekx, u ma tistax biex tagħti l-għajnuna lil ftit tipperikola l-ħajja ta’ poplu sħiħ. Ridna niddeċiedu biex nagħtu dak li hu l-aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi” tenna Muscat waqt li fakkar kif din id-deċiżjoni sabet l-appoġġ ukoll tal-Oppożizzjoni, u allura dan ifisser li s-sens komuni jipprevali.
Fl-aħħar nett Muscat tkellem ukoll dwar ix-xogħol u qal li minkejja li ftit aktar minn sena u nofs ilu, kien hemm min qed jgħid li se mmorru nitkarrbu għall-bail-out, illum qed nesperjenzaw bil-maqlub. “Il-kontijiet roħsu, għandna stabbilità fil-prezzijiet tal-fjuwil, iżda fuq kollox hawn l-istabbilità. Dan kollu jfisser aktar xogħol, u minkejja li forsi mhux kulħadd għandu xogħol, l-għan ta’ dan il-Gvern huwa dak li kull min irid jaħdem ikollu xogħol. Se ngħinu lil dawk li qed jirreġistraw u jridu jaħdmu, iżda mhux lil dawk li ma jridu jagħmlu xejn, pajjiż jinbena fuq il-bżulija” temm jgħid Muscat.