It-tnax-il xahar ta’ Malta Tagħna Lkoll

Mill-ewwel kontroversji dwar ħatriet tal-gvern sal-aħbar riċenti ta’ tibdil fir-rwol tal-presidenza, l-ewwel tnax-il xahar ta’ Joseph Muscat fit-tmun tal-pajjiż fihom ħafna x’tixtarr. Fuq kollox, kienet l-ewwel sena ta’ gvern Laburista wara ħmistax-il sena.

Wara rebħa elettorali storika ta’ aktar minn 36 elf vot, li ssodisfat l-aptit ta’ partitarji Laburisti li kienu ilhom snin jistennew dan, il-gvern ġdid ma tilifx żmien biex jibda jattwa l-viżjoni soċjo-ekonomika tiegħu. 

Ir-riforma naturalment bdiet bl-għażla tal-kabinett, l-akbar wieħed fl-istorja. Ġew introdotti dekasteri ġodda, fosthom tal-enerġija u l-presidenza Ewropea, b’taħlita fil-kabinett bejn membri veterani tal-Partit Laburista, star candidates u deputati relattivament żgħażagħ. 

L-ordni tal-ġurnata lil membri tal-kabinett kienet biex ma jgergrux fuq il-problemi li wirtu mill-amministrazzjoni preċedenti. L-iskop kien biex il-pajjiż ikollu tranżizzjoni mingħajr problemi bejn amministrazzjoni u oħra. 

Minn naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista ma kellux għażla ħlief li jagħmel it-tibdiliet meħtieġa, fosthom fit-tmexxija. L-ewwel kritika, kif kien previst, dlonk saret fuq il-kunċett ta’ meritokrazija u l-ħatriet ta’ persuni viċin il-Partit Laburista li ddaħħlu f’bordijiet u strutturi oħra tal-gvern.

Dan serraħ moħħ il-partitarji Laburisti li Muscat ma kienx se jirrepeti l-iżball ta’ Alfred Sant, li jkollok nies fit-tmexxija tad-dipartimenti b’kunflitt mal-politika tal-gvern. Iżda naturalment kien hemm ukoll min qal li l-gvern ma kienx qed jonora l-għajta tal-meritokrazija li tela’ biha.

L-għeluq tal-ewwel mitt jum tal-gvern ġdid kompla jikkonferma li l-magna elettorali tal-Partit Laburista kompliet taħdem, b’eżerċizzju eċċellenti ta’ PR u marketing; fost dawn l-inizzjattiva innovattiva ‘Gvern li Jisma’.

Iżda l-ewwel marki mnaqqsa lil dan il-gvern waslu ftit jiem wara. Affaċjat b’aktar wasliet ta’ immigranti irregolari u bis-solidarjetà mwiegħda mill-Unjoni Ewropea li qatt ma waslet, Muscat sejjaħ lill-mezzi tax-xandir b’urġenza f’Kastilja u m’eskluda xejn, qas li jibgħat lura l-immigranti minn fejn ġew permezz tal-pushbacks.

Mingħajr dubju din id-direzzjoni politika rewħet aktar elementi razzisti u ewroxettiċi.

Sfida oħra relatata mat-tema tal-immigrazzjoni waslet f’Awwissu 2013, meta l-vapur MV Salamis injora t-talbiet tal-awtoritajiet Maltin u Taljani biex jieħu aktar minn 100 immigrant li salva lura l-Libja. Il-gvern Malti ma ċediex u għal diversi sigħat l-MV Salamis baqa’ barra l-ibħra territorjali Maltin mingħajr permess li jidħol. Effettivament wara diskussjonijiet bilaterali mal-Italja, il-gvern Taljan ħabbar li se jieħu l-immigranti hu. 

Għal darb’oħra, Muscat qajjem id-diżappunt ta’ bosta minħabba li dan l-aġir imur kontra l-ispirtu tad-drittijiet tal-bniedem; fl-istess waqt afferma ruħu ma’ parti sostanzjali tal-elettorat li kienet temmen li l-gvern ma kienx qed jagħmel biżżejjed dwar l-immigrazzjoni.

Il-gvern ta’ Muscat irkupra xi punti lejn Novembru permezz tal-baġit, b’diversi ekonomisti jiġġudikaw b’mod pożittiv diversi miżuri li kellhom l-għan li jistimolaw l-ekonomija. L-istabbiltà ekonomika u b’mod speċjali r-roħs ta’ 25% fil-kontijiet tad-dawl ukoll huma marki pożittivi għall-gvern Laburista fis-settur ekonomiku.

Iżda l-ewwel test veru tal-gvern ta’ Muscat kien bla ebda dubju l-programm taċ-ċittadinanza. Inizzjalment, l-opinjoni pubblika ftit li xejn kienet favur din l-inizzjattiva.

F’dan il-kapitlu tal-IIP ma tistax ma ssemmix id-dibattitu li sar f’waħda mis-seduti tal-Parlament Ewropew, fejn din l-istituzzjoni ddiskutiet il-programm tal-gvern Malti minkejja li din hi kompetenza nazzjonali. Bla ebda dubju, il-vot m’għamel l-ebda ġieħ lil gvern Malti b’560 MEP jivvutaw kontra l-IIP u 22 biss favur.

Iżda wara xi tibdiliet u mmanuvrar politiku, il-Gvern irnexxielu jilħaq ftehim mal-Kummissjoni Ewropea: manuvra li ġibdet it-tapit minn taħt saqajn l-oppożizzjoni u ħalliethom bid-dilemma ta’ x’kellhom ikunu l-passi li jmiss, wara li huma ttamaw li l-istess Unjoni Ewropea kienet se twaqqaf lill-gvern.

B’hekk, minn pajjiż taħt il-lenti tal-istati membri l-oħra ħabba l-programm taċ-ċittadinanza, il-gvern spiċċa jista’ ‘jiftaħar’ li għandu l-unika programm taċ-ċittadinanza approvat mill-Kummissjoni Ewropea.

Fl-istess perjodu lejn l-aħħar tas-sena 2013, il-gvern kellu jiffaċċja mingħajr mistenni (sa ċertu punt) it-tluq tal-Arriva minn Malta. Tluq prematur minħabba telf finanzjarju insostenibbli li ġiegħlet il-gvern jieħu f’idejh it-trasport pubbliku fi ftit jiem. L-operatur il-ġdid għadu jrid jintgħażel fi ftit ġimgħat, iżda l-gvern ġa ħa d-deċiżjoni li jmur lura għal rotot sempliċi kif mitluba mill-kunsilli lokali. 

Mal-maġġoranza tal-Għawdxin niżlet ukoll tajjeb l-aħbar li l-gvern leħaq ftehim ma’ kumpannija Ċiniża biex din tagħmel studju dettaljat dwar il-possibbiltà ta’ link permanenti bejn Malta u Għawdex. 

Din tista’ titqies bħala xafra li taqta’ miż-żewġ naħat; jekk l-Għawdxin ikunu kuntenti b’aktar aċċessibbiltà, żgur li mhux l-istess se jingħad għall-ambjentalisti li ma tantx se tinżlilhom il-possibbiltà tal-isfreġju ambjentali.

Dawn tal-aħħar diġà huma xettiċi bil-politika favur aktar żvilupp li addotta dan il-gvern. Fost l-oħrajn kien hemm is-sejħa għal interess ta’ cruise liner terminal f’Għawdex, l-iżvilupp tal-Mistra u l-proposti biex jiġu żviluppati proġetti ta’ reklamazzjoni tal-art. 

Il-gvern ħareġ ukoll il-permess biex lukandi eżistenti jistgħu jibnu żewġ sulari oħra bl-għan li jistimola s-settur turistiku; settur li ssokta b’riżultati pożittivi kif kien reġistrat taħt l-amministrazzjoni preċedenti. 

Setturi oħra raw bidu ta’ diversi riformi taħt il-gvern Laburista, b’mod partikolari jispikkaw inizzjattivi ġodda fis-setturi tal-enerġija, tal-ġustizzja, il-qasam soċjali, l-infrastruttura u l-edukazzjoni. 

Oqsma oħra kellhom jibdew riforma mill-qiegħ u għalhekk ħadu aktar żmien biex jibdew jiffunzjonaw u jilħqu l-aspettattivi tal-Prim Ministru. 

Ir-reshuffle li se jsir fi ftit żmien mistenni jieħu dan inkonsiderazzjoni.

More in Politika