Il-Bank HSBC Malta dan l-aħħar organizza webinar li jiffoka fuq il-ħiliet meħtieġa mill-professjonisti biex jirnexxu fil-futur. L-avveniment, li kien miftuħ kemm għall-impjegati tal-bank kif ukoll għall-pubbliku ġenerali, ġie organizzat bħala parti mill-MySkills Festival, inizjattiva tal-Grupp HSBC maħsuba biex tgħin lill-professjonisti jtejbu l-ħiliet sabiex jissodisfaw it-talbiet ta’ impjiegi futuri.
Waqt il-webinar, il-kelliema tal-bord il-perit David Xuereb, President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta u Fiona Captur, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni JAYE Malta ddiskutew kif il-professjonisti jistgħu jgħarmaw lilhom infushom biex jirnexxu f’ambjent ekonomiku u kummerċjali li kontinwament qed jinbidel. Huma eżaminaw ukoll x'inhuma u se jkunu meħtieġa ħiliet biex jimlew b'mod effiċjenti l-impjiegi futuri u liema impjiegi ġodda jistgħu jinħolqu.
L-ewwel Festival MySkills tal-Grupp HSBC kien serje ta’ avvenimenti virtwali mifruxin fuq ġimgħa, b’għadd ta’ workshops interattivi u riżorsi onlajn, li matulhom mexxejja tan-negozju globali u esperti qasmu l-għarfien tagħhom. Il-festival huwa wkoll parti mill-inizjattiva tal-Ħiliet Futuri tal-Grupp HSBC, li għandha l-għan li tgħaqqad lin-nies u tgħinhom biex jagħtu spinta lill-iżvilupp professjonali tagħhom. Il-Grupp, fil-fatt, alloka US $80 miljun fi finanzjament biex jgħin miljun persuna, inkluż f’Malta, billi jiżviluppa ħiliet relatati mal-impjiegi.
Caroline Buhagiar Klass, Kap tar-Riżorsi Umani u s-Sostenibbiltà Korporattiva ta’ HSBC Malta, li kienet il-moderatur tal-webinar, qalet: “Id-dinja ta’ madwarna qed tinbidel b’rata dejjem aktar mgħaġġla. Għaxar snin ilu, ma konniex inkunu nistgħu nantiċipaw l-impjiegi li għandna llum. L-istess japplika għall-futur tagħna. Kważi nofs il-ħiliet essenzjali se jinbidlu fil-ftit snin li ġejjin u sal-2030 huwa stmat li madwar biljun persuna se jkollhom bżonn jerġgħu jitħarrġu. Il-webinar ta’ HSBC Malta, kif ukoll il-moviment Future Skills, jiffoka fuq l-iżvilupp ta’ ħiliet u għarfien ġdid biex iżommuna mexjin ‘il quddiem. HSBC huwa impenjat li jħejji lin-nies għal impjiegi futuri billi jgħinhom isiru faċilitaturi fis-soċjetajiet tagħna.