BOV, l-isponsor tal-Assoċjazzjoni tal-Komunità tan-Negozjanti

Bank of Valletta u l-Assoċjazzjoni tal-Komunità tan-Negozjanti ta’ Triq ir-Repubblika daħlu fi ftehim kollaborattiv għal sena bil-għan li jaħdmu flimkien fuq numru ta’ inizjattivi sabiex ikabbru l-valur tal-komunità diversa tan-negozjanti. Permezz ta’ dan il-ftehim, BOV se jkun l-isponsor Korporattiv tal-Komunità tan-Negozjanti ta’ Triq ir-Repubblika. 

Il-ftehim ġie ffirmat ġewwa l-Uffiċċini Ewlenin ta’ Bank of Valletta f’Santa Venera minn Michael Galea, Chief Officer Operations ta’ Bank of Valletta u Paul Fenech, President tal-Assoċjazzjoni tal-Komunità tan-Negozjanti ta’ Triq ir-Repubblika, fil-preżenza ta’ Reginald Fava, Viċi President tal-Assoċjazzjoni.

“Aħna ninsabu kuntenti li ngħaqadna mal-Assoċjazzjoni tal-Komunità tan-Negozjanti ta’ Triq ir-Repubblika bħala wieħed mill-partijiet interessati mill-inizjattivi li se jwasslu biex Valletta tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura tal-2018. Dan it-titlu huwa wieħed prestiġjuż u aħna qed nieħdu din l-opportunità sabiex nagħtu appoġġ tanġibbli lill-assoċjazzjoni permezz tal-Programm Korporattiv estensiv tal-Bank,” qal Galea.

Filwaqt li rringrazzja lil Bank of Valletta għall-appoġġ tiegħu, Fenech qal, “Aħna kburin bl-iffirmar ta’ dan il-ftehim ma’ BOV li se jara li ż-żewġ organizzazzjonijiet jikkollaboraw mill-viċin flimkien għas-sena li ġejja. Dan il-ftehim jipprovdi l-opportunità ideali sabiex tissaħħaħ ir-relazzjoni tajba li diġà teżisti bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet, filwaqt li nħarsu ’l quddiem sabiex naħdmu flimkien ma’ BOV fuq attivitajiet varji bil-għan li jsaħħu l-identità tal-Belt bħala ċentru importanti ta’ negozju u divertiment”.

More in Kummer?jali