Il-Gvern qed jimmira li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja b’25% tul il-leġiżlatura li ġejja, filwaqt li jżomm rata ta’ tkabbir ekonomiku ta’ 4% fis-sena, bħala parti minn sensiela ta’ objettivi ppreżentati lill-imsieħba soċjali waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).
Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza lill-ġurnalisti qabel l-ewwel laqgħa tal-Gvern mal-MCESD wara l-elezzjoni, fejn iddiskuta mal-imsieħba soċjali l-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali tal-leġiżlatura.
Fost il-miri ekonomiċi ppreżentati hemm iż-żamma ta’ tkabbir annwali ta’ 4%, tnaqqis fid-dejn pubbliku minn 46% għal 40% tal-prodott domestiku gross sal-2030, u rata ta’ qgħad li tibqa’ madwar it-3%.
Il-Gvern qed jimmira wkoll li żewġ terzi tal-ġid iġġenerat fl-ekonomija jiġu minn setturi ta’ valur miżjud għoli, filwaqt li Malta titla’ fost l-aqwa ħames ekonomiji fiż-żona ewro skont il-livell tal-prodott domestiku gross.
Fost il-miri l-oħra hemm żieda fl-użu tal-intelliġenza artifiċjali min-negozji għal 40%, kif ukoll l-ambizzjoni li Malta tidħol fil-kategorija ta’ “strong innovators” tal-Unjoni Ewropea.
Fil-qasam edukattiv, il-Gvern irid inaqqas ir-rata ta’ studenti li jitilqu mill-iskola kmieni għal inqas mill-mira Ewropea ta’ 8.6%, filwaqt li jżid ir-rata ta’ gradwati għal aktar minn 50%.
L-istrateġija tinkludi wkoll żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli għal 25%, iż-żamma tar-rata ta’ deprivazzjoni soċjali taħt l-4%, u tnaqqis ta’ 10% fin-numru ta’ persuni li jiddependu fuq l-assistenza soċjali.
Objettivi oħra jinkludu titjib ta’ 25% fil-konnettività ta’ Għawdex u ż-żamma tal-pożizzjoni ta’ Malta bħala waħda mill-mexxejja Ewropej fis-servizzi pubbliċi diġitali.
Il-progress fil-Manifest Elettorali se jiġi evalwat ukoll permezz ta’ Wellbeing Index li se jkejjel aspetti differenti tal-ħajja, fosthom is-saħħa, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, id-dħul, is-sodisfazzjon fuq il-post tax-xogħol, il-protezzjoni soċjali, il-parteċipazzjoni ċivika u l-kwalità tal-ambjent.
Abela qal li l-Gvern irid jara wkoll titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż fil-leave tal-maternità, tal-paternità u dak parentali, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-produttività.
Huwa sostna li l-MCESD evolva minn forum konsultattiv għal pjattaforma aktar influwenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet, partikolarment wara l-isfidi nazzjonali li ffaċċja l-pajjiż fl-aħħar snin.
“Nistgħu ma naqblux fuq kollox, iżda dan il-forum jagħtina l-opportunità li niddiskutu kif nimxu ’l quddiem,” qal Abela. “Permezz tad-djalogu nistgħu nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti.”
Il-laqgħa kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għad-Djalogu Soċjali Keith Azzopardi Tanti, iċ-Chairperson tal-MCESD Maria Micallef, il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana u s-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol, li ppreżenta s-sistema li permezz tagħha se jiġi mmonitorjat it-twettiq tal-wegħdiet elettorali tal-Gvern.