Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jisfidaw lill-politiċi u jkunu parti diretta mid-deċiżjonijiet li se jsawru l-futur ta’ Malta u Għawdex.
Meta indirizza l-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2026, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, Borg qal li pajjiż ma jistax ifassal futur għaż-żgħażagħ mingħajr ma jagħtihom spazju biex jitkellmu u jieħdu sehem fit-tfassil tal-politika.
Huwa qal li ż-żgħażagħ m’għandhomx jitqiesu biss bħala l-mexxejja ta’ għada, iżda bħala vuċi li għandha tinstema’ llum.
Borg faħħar lill-parteċipanti talli ressqu proposti dwar firxa wiesgħa ta’ temi, fosthom il-popolazzjoni, it-traffiku, l-iżvilupp, l-ambjent, l-enerġija, is-saħħa mentali, l-akkomodazzjoni u r-rwol ta’ Malta fix-xena internazzjonali.
Il-Kap tal-PN qal li laqa’ b’mod partikolari l-proposta li żvilupp ġdid ma għandux jiġi approvat jekk l-infrastruttura tal-lokalità ma tkunx tiflaħ għalih.
Huwa rabat din il-proposta mal-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista li kull lokalità għandu jkollha studju dwar kemm tiflaħ aktar bini u żieda fil-popolazzjoni.
“L-iżvilupp għandu jadatta ruħu għall-komunità, mhux il-komunità tbati biex takkomoda żvilupp bla pjan,” qal Borg.
Huwa semma wkoll proposti dwar l-impatt kumulattiv tal-iżvilupp, rwol akbar għall-kunsilli lokali, aktar spazji miftuħa, trasport pubbliku aħjar u infrastruttura aktar effettiva għar-roti.
Skont Borg, iż-żgħażagħ qed iwasslu messaġġ ċar li Malta ma tistax tibqa’ tikber mingħajr ippjanar fit-tul.
Huwa qal li l-pajjiż għandu jevalwa l-kapaċità tal-infrastruttura, is-servizzi, l-isptarijiet, it-toroq u l-ambjent qabel ma jkompli jżid il-popolazzjoni u l-iżvilupp.
Borg tkellem ukoll dwar id-dibattitu fuq in-newtralità ta’ Malta, u qal li din ma tistax tibqa’ tiġi trattata bħala slogan tal-passat.
Huwa sostna li l-kunċett għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ sfidi ġodda, fosthom pressjonijiet ekonomiċi, riskji għall-infrastruttura kritika u theddid marbut maċ-ċibersigurtà.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni faħħar ukoll proposti relatati mar-riżervi strateġiċi tal-ikel, l-ilma, il-mediċini u provvisti essenzjali oħra.
Huwa qal li pajjiż żgħir u gżira ma jistax jistenna kriżi biex jinduna kemm huwa vulnerabbli.
Borg insista wkoll fuq il-ħtieġa li aktar żgħażagħ ikunu preżenti madwar il-mejda fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Qal li l-ġenerazzjoni żagħżugħa għandha d-dritt titlob pajjiż fejn il-mertu jingħata prijorità, fejn ix-xiri ta’ dar ma jibqax ħolma, fejn l-ambjent ikun imħares u fejn iż-żgħażagħ ma jħossux li jridu jitilqu minn Malta biex isibu futur.
“Tibżgħux tisfidawna, tagħmlulna mistoqsijiet diffiċli u tgħidulna meta ma taqblux magħna,” qal Borg. “Il-politika għandha bżonn liż-żgħażagħ mhux biex iċapċpu lill-politiċi, iżda biex jisfidawhom.”
Matul is-sessjoni fil-Kamra tar-Rappreżentanti intervjenew ukoll diversi deputati Nazzjonalisti fid-dibattiti dwar in-newtralità u dwar il-bilanċ bejn il-popolazzjoni, l-infrastruttura u l-ambjent.