ARA | Paceville bla filtri: Xorb, ħmieġ u liġijiet li ma jlaħħqux mar-realtà

Qattajna ħames sigħat fit-toroq ta’ Paceville flimkien mal-Pulizija. Bejn stabbilimenti li joperaw b’liċenzji differenti minn dak li wieħed jistenna, nies fis-sakra, ġlied, skart u negozji li jagħmlu l-flus mid-divertiment, toħroġ stampa ta’ lokalità li billejl tinbidel f’dinja għaliha. 

Kitba u rappurtaġġ ta' Jaelle Borg u Eva Brannon

\Ix-xemx għadha kemm bdiet tielgħa fuq il-Bajja ta’ San Ġorġ. Fuq ir-ramel u mal-bankini hemm fliexken vojta, laned tal-birra u fdalijiet ta’ ikel. Xi żgħażagħ għadhom iduru fit-toroq, oħrajn bilkemm jifilħu jimxu, u hemm min spiċċa rieqed barra wara lejl twil ta’ xorb. 

Fi ftit sigħat, Paceville terġa’ tidher bħal kull żona oħra mimlija lukandi, ristoranti u ħaddiema sejrin għax-xogħol. Iżda għalissa għadha tidher il-ħerba li tħalliet mil-lejl ta’ qabel. 

Din il-gazzetta qattgħet ħames sigħat f’Paceville biex tara x’jiġri tassew f’wieħed mill-aktar postijiet ta’ divertiment f’Malta matul il-lejl, iżda wkoll biex tifhem l-isfidi li jaffaċċjaw il-Pulizija biex iżommu l-ordni. 

Għax Paceville mhuwiex biss post fejn eluf ta’ nies imorru jixorbu u jiżfnu. Huwa wkoll ċentru kummerċjali li jiġbed investiment qawwi, lokalità fejn l-iżvilupp qed ibiddel il-karattru tat-toroq, u post fejn il-konsegwenzi tad-divertiment ma jispiċċawx meta jagħlqu l-klabbs. 

 

Nightclubs li bil-liċenzja mhumiex nightclubs 

Fost l-akbar problemi li semmew il-Pulizija hemm waħda li ftit nies jaħsbu dwarha meta joħorġu għal-lejl: il-liċenzji tal-istabbilimenti. 

Skont is-Supretendent Melvin Camilleri, għadd ta’ postijiet li jilqgħu folol ta’ nies jiżfnu u jixorbu sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu ma għandhomx liċenzja ta’ nightclub, iżda joperaw bħala bars b’mużika amplifikata. 

Il-Pulizija spjegaw li l-istabbilimenti liċenzjati bħala nightclubs għandhom obbligi partikolari marbuta mas-sigurtà. Meta post ikun liċenzjat bħala bar, iżda jiffunzjona bħala nightclub, mhux l-istess rekwiżiti kollha jkunu jistgħu jiġu infurzati. 

Dan joħloq sitwazzjoni fejn l-uffiċjali jistgħu jinnutaw nuqqasijiet, iżda ma jkollhomx dejjem il-bażi legali biex jaġixxu. 

Skont il-Pulizija, hemm nightclub wieħed biss f’Paceville li jopera bil-liċenzja speċifika għal dan it-tip ta’ stabbiliment. 

Hemm ukoll il-kwistjoni tal-multi. L-uffiċjali sostnew li l-penali għal ċerti ksur tal-liġi huma tant baxxi li ma jservux ta’ deterrent effettiv. Għal xi negozji, jidher li jkun aktar konvenjenti li jħallsu multa milli jagħmlu l-bidliet meħtieġa. 

Matul ir-ronda ltqajna wkoll ma’ uffiċjal tal-Pulizija li kien għadu kif ta multa fuq il-post. Skont dak li spjegawlna l-uffiċjali, l-għoti ta’ dawn il-multi jista’ jkollu effett immedjat, tant li xi persuni jagħżlu li jitilqu mill-istabbilimenti meta jaraw li l-Pulizija qed jieħdu passi. 

Intqal ukoll li hemm nuqqasijiet fil-proċess tal-ħruġ tal-liċenzji u fl-ispezzjonijiet, filwaqt li l-Pulizija qed jitolbu aktar kontrolli u koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet, fosthom l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. 

 

Xorb, mużika għolja u ftit li xejn kontroll mal-bibien 

Iżda biex tifhem tassew Paceville, trid tidħol fil-klabbs. 

F’xi postijiet, il-gwardjani tas-sigurtà jitolbu l-karta tal-identità. F’oħrajn, jidher li biżżejjed tgħaddi minn quddiem il-bieb biex tidħol. 

Ġewwa, il-mużika tant tkun għolja li diffiċli tisma’ lil xi ħadd jitkellem miegħek. It-taħlita ta’ rwejjaħ ta’ xorb, sigaretti elettroniċi u għaraq timla l-arja, filwaqt li l-art ta’ xi stabbilimenti tkun twaħħal mix-xorb li jkun waqa’ mal-art. 

It-toilets lanqas ma joffru wisq serħan. 

F’wieħed mill-klabbs, l-art kienet imxarrba u mimlija toilet paper, b’għadd ta’ tfajliet jistennew wara xulxin biex jużaw waħda miż-żewġ kabini. 

 

Mara mixħuta mal-art, bi flixkun vodka maġenbha 

It-toroq ta’ Paceville huma storja oħra. 

It-taraġ prinċipali jkun mimli nies għaddejjin minn klabb għall-ieħor. Il-mużika minn diversi stabbilimenti titħallat, waqt li promoturi jippruvaw jiġbdu l-klijenti b’offerti ta’ xorb irħis u dħul b’xejn. 

Iżda fost il-folol ta’ żgħażagħ jieħdu gost, hemm ukoll dawk li jkunu xorbu aktar milli jifilħu. 

Barra wieħed mill-klabbs sibna mara bla żarbun mixħuta mal-art, bi flixkun vojt tal-vodka Absolut maġenb rasha. 

Sħabha kienu qed jippruvaw iqajmuha, iżda hi baqgħet mal-art u għamlitilhom sinjal biex iħalluha. 

Meta għaddejna mill-istess post ftit tal-ħin wara, il-mara kienet għadha mixħuta mal-art, iżda din id-darba kienet imdawra minn uffiċjali tal-Pulizija u membri tal-Community Policing Team (CoMIT), li kienu qed jassistuha u jagħmlu ċert li ma kien ġralha xejn.  

F’postijiet oħra, kien hemm nies bilqiegħda jew mixħutin fuq il-bankini, uħud f’kundizzjoni li tqajjem tħassib. Xi każijiet ta’ persuni taħt l-effett tax-xorb jispiċċaw jeħtieġu l-intervent ta’ ambulanza. 

F’każ ieħor, il-Pulizija sabu mara u s-sieħeb tagħha mixħutin mal-art f’parkeġġ. L-uffiċjali vverifikaw l-identità tagħhom u kkonfermaw li s-sitwazzjoni kienet marbuta ma’ intossikazzjoni, u mhux ma’ reat kriminali. Għalhekk issejħet ambulanza biex tingħata l-assistenza medika meħtieġa. 

 

“Is-saħħa qabel kollox,” qal wieħed mill-uffiċjali. 

F’nofs dan kollu, jgħaddu wkoll it-tfal. 

Il-Pulizija rrakkontaw kif darba turist Ġermaniż staqsiehom jekk kienx normali li jkun hemm tfal iduru f’Paceville billejl. 

Mistoqsija li ġġiegħlek taħseb dwar kemm drajna naraw affarijiet li, għal min iżur iż-żona għall-ewwel darba, jistgħu jidhru diffiċli biex jifhimhom. 

 

Anke t-takeaway jista’ ssir problema għall-Pulizija 

Waħda mill-isfidi li semma s-Supretendent Camilleri kienet iż-żieda fil-ħwienet tat-takeaway fit-taraġ ta’ Paceville. 

Wara lejl ta’ xorb, ħafna jieqfu jixtru xi ħaġa tal-ikel qabel imorru d-dar. Iżda din id-drawwa qed toħloq konġestjoni f’waħda mill-aktar żoni mħaddma mid-distrett. 

Il-klijenti jinġabru quddiem il-ħwienet biex jistennew l-ikel, jieklu jew jitkellmu, filwaqt li oħrajn jippruvaw jgħaddu mit-taraġ. 

Skont il-Pulizija, dawn il-gruppi jagħmluha aktar diffiċli biex il-folol jibqgħu mexjin u biex l-uffiċjali jikkontrollaw is-sitwazzjoni. 

Għalhekk, anke attività sempliċi bħal li tixtri pizza tista’ tkompli żżid il-pressjoni fuq żona li diġà tkun iffullata. 

 

Mhux kulħadd imur Paceville biex jonfoq: hemm min jaqla’ €200 fil-ġimgħa mill-fliexken 

Fost il-ħafna stejjer ta’ Paceville hemm ukoll dik ta’ persuni li sabu mod kif jagħmlu l-flus minn dak li jħallu warajhom il-klijenti tal-bars. 

Tul il-lejl, persuni b’boroż kbar iduru jiġbru fliexken u laned vojta li jistgħu jiġu mifdija permezz tal-iskema BCRS. 

Meta jimlew il-boroż, imorru sal-karozzi tagħhom, iħottu l-kontenituri u jerġgħu lura biex jiġbru aktar. 

U f’Paceville, fejn il-konsum tax-xorb huwa kontinwu, ma jonqosx x’jiġbru. 

Il-Pulizija qalulna dwar raġel li jiġbor dawn il-kontenituri għall-karità u li fix-xhur tas-sajf jirnexxilu jiġbor biżżejjed biex idaħħal madwar €200 fil-ġimgħa. 

F’distrett fejn ħafna jonfqu mijiet ta’ ewro fuq id-divertiment, oħrajn qed jagħmlu l-flus minn dak li dawn iħallu fl-art. 

 

L-iskart u l-ġrieden jieħdu post il-folol 

Hekk kif jgħaddi l-lejl, isir aktar evidenti kemm l-ammont ta’ skart huwa problema. 

Fliexken, tazzi tal-plastik, fdalijiet tal-ikel u laned ikunu mxerrdin mat-toroq. 

F’ħin minnhom, rajna ġurdien ħiereġ minn toqba wara li l-folol bdew jonqsu. 

Hija realtà ferm differenti mill-immaġni ta’ Paceville li tidher fir-reklami tal-klabbs u tal-lukandi. 

Meta n-nies jitilqu, il-problema tal-ħmieġ tibqa’ għal min irid inaddaf iż-żona u għal dawk li jgħixu jew jaħdmu fiha. 

 

Iż-żona li qed tinbidel, iżda għadha żżomm traċċi tal-passat 

Paceville mhux dejjem kienet id-distrett tad-divertiment li nafu llum. 

L-isem tagħha ġej minn Giuseppe Pace, avukat u żviluppatur li fis-snin għoxrin u tletin tas-seklu li għadda bena diversi vilel qrib il-baħar f’San Ġiljan. 

Maż-żmien, iż-żona żviluppat f’wieħed mill-aktar ċentri kummerċjali u turistiċi importanti fil-pajjiż. 

Illum, bejn lukandi ġodda, ristoranti u proġetti ta’ żvilupp, għadhom jeżistu djar tradizzjonali Maltin, uħud minnhom fi stat li juri ċar kemm għaddew snin minn fuqhom. 

Iżda minkejja l-faċċati li xi kultant jidhru mitluqa, il-valur tal-proprjetà fiż-żona huwa għoli ħafna. 

F’San Ġiljan hemm djar tradizzjonali reklamati għal aktar minn miljun ewro, filwaqt li l-iżvilupp qed ikompli jagħmel pressjoni fuq il-bini antik. 

F’Lulju, MaltaToday kienet irrappurtat dwar proposta biex dar protetta fi Triq il-Wilga tinbidel f’guesthouse ta’ ħames sulari. 

Din tifforma parti minn ringiela ta’ disat idjar skedati fi Grad 2, u l-proposta hija eżempju ieħor tal-bidliet li qed iseħħu fiż-żona. 

 

Ekonomija ta’ miljuni li ġġib magħha sfidi kbar 

Għalkemm Paceville għadha magħrufa primarjament għall-ħajja ta’ billejl, l-attività ekonomika tagħha llum hija ferm aktar varjata. 

Il-lukandi, ir-ristoranti, il-kumpaniji tal-gaming, l-iskejjel tal-Ingliż, l-uffiċċji u n-negozji oħra kollha jikkontribwixxu għall-attività kummerċjali tad-distrett. 

Matul iż-żjara tagħna, uffiċjali tal-Pulizija stmaw li l-attività ekonomika marbuta ma’ Paceville tirrappreżenta madwar 10% tal-PDG ta’ Malta. 

Iżda dan it-tkabbir iġib miegħu wkoll piż fuq l-infrastruttura u s-servizzi pubbliċi. 

Aktar negozji u aktar viżitaturi jfissru wkoll aktar nies fit-toroq, aktar skart u ħtieġa għal aktar kontroll. 

Il-Pulizija, li jridu jżommu l-ordni f’żona mimlija nies, ikollhom jaffaċċjaw problemi li jvarjaw minn persuni fis-sakra sa ġlied u konġestjoni. 

Matul ir-ronda stajna naraw ukoll kif il-Pulizija jirrispondu għal rapporti ta’ reati. F’ħin minnhom, wieħed mill-uffiċjali rċieva telefonata dwar każ suspettat ta’ serq minn fuq persuna qrib l-istabbiliment Footloose. L-uffiċjal beda jagħti struzzjonijiet biex il-persuni involuti jittieħdu fil-vann tal-Pulizija, filwaqt li talab li jiġi vverifikat jekk mobile kienx insteraq jew sempliċement ma setax jinstab fil-basket tas-sid. 

Fil-qrib ta’ Burger King ikun hemm ukoll għassa mobbli tal-Pulizija, li tippermetti lill-uffiċjali jkunu aktar qrib tal-postijiet fejn iseħħu l-inċidenti u jnaqqsu l-ħtieġa li jirritornaw lejn l-għassa tad-distrett. 

 

Il-Bajja ta’ San Ġorġ: anke ’l bogħod mill-klabbs hemm il-perikli 

Il-problemi ma jispiċċawx meta wieħed jitbiegħed mit-toroq ewlenin ta’ Paceville. 

Skont il-Pulizija, il-Bajja ta’ San Ġorġ u ż-żoni tal-madwar isiru postijiet fejn jinġabru nies matul il-lejl, speċjalment fis-sajf. 

Xi wħud imorru hemm biex ikomplu jixorbu, oħrajn ifittxu postijiet aktar rivate, filwaqt li l-iżolament jista’ jwassal ukoll għal ġlied jew sitwazzjonijiet perikolużi. 

Għal din ir-raġuni, suldati li qabel kienu jagħmlu rondi fuq il-bajja ewlenija ġew imċaqalqa lejn żona ta’ blat fil-qrib li hija aktar mudlama u iżolata. 

L-għan huwa li jkun hemm preżenza li tiskoraġġixxi inċidenti qabel ma jseħħu. 

Matul iż-żjara tagħna f’din iż-żona, sibna ambulanza li kienet waslet biex tassisti persuna taħt l-effett tax-xorb fuq il-bajja. Fil-qrib kien hemm ukoll suldati li kienu qed jagħmlu r-ronda. 

 

Paceville tibqa’ għaddejja, anke meta l-festa tispiċċa 

Sas-sebħ, l-istorbju jibda jonqos u t-toroq bil-mod il-mod jitbattlu. 

Il-ħaddiema tal-indafa jkollhom quddiemhom il-konsegwenzi ta’ lejl ieħor, waqt li n-negozji jibdew iħejju għal ġurnata ġdida. 

Iżda l-isfidi ta’ Paceville ma jistgħux jitkejlu biss mill-ammont ta’ skart li jinġabar jew minn kemm persuni jispiċċaw fis-sakra. 

Dak li rajna matul dawn il-ħames sigħat juri żona li kibret ekonomikament, iżda fejn il-kontroll u l-infurzar mhux dejjem jidhru li żammew l-istess ritmu. 

Fuq naħa hemm l-investiment, it-turiżmu u eluf ta’ nies li jiddependu minn din l-ekonomija. Fuq l-oħra hemm il-problemi tas-sigurtà, il-liċenzji, il-konġestjoni u l-impatt fuq l-ambjent tal-madwar. 

U waqt li l-aħħar nies jitilqu lejn djarhom, tibqa’ mistoqsija waħda: Paceville tista’ tibqa’ tikber bħala ċentru tad-divertiment u tan-negozju mingħajr ma l-problemi tagħha jkomplu jikbru magħha? 

More in Kronaka