L-assassinju ta’ Daphne ħa jibqa’ magħna sal-elezzjoni li ġejja

L-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia reġa’ jinsab fil-qalba tal-battalja politika, hekk kif il-ħelsien ta’ Yorgen Fenech qed ibiddel l-istrateġija tal-PN u jżid il-pressjoni fuq Robert Abela. Osservaturi politiċi jgħidu li, taħt Alex Borg, il-każ jista’ jsir għodda biex jgħaqqad gruppi differenti kontra l-Gvern u jerġa’ jqajjem mistoqsijiet serji dwar Kastilja, l-istituzzjonijiet u l-wirt politiku tal-Partit Laburista.

Osservaturi politiċi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li l-assassinju ta’ Daphne, id-dibattitu u l-kontroversja tal-qtil makabru tagħha, u l-involviment ta’ personalitajiet magħrufa fil-Partit Laburista ħa tibqa’ t-tema ċentrali fil-politika lokali. Dak li ġara fil-ġuri, jiġifieri l-ħelsien minn kull akkuża tan-negozjant Yorgen Fenech, wassal biex ibiddel id-direzzjoni u l-istrateġija tal-politika Nazzjonalista. Filwaqt li din setgħet kienet problema fi żmien Adrian Delia u Bernard Grech, il-kuntest ta’ din il-ġlieda politika għandu għalfejn jinkwieta lil Robert Abela. Qabel, l-osservaturi politiċi, qalu li l-każ ta’ Daphne serva bħala mażżra m’għonq il-PN, imma llum, taħt Alex Borg, il-każ ta’ Daphne ħa jservi biex l-ewwel nett jgħaqqad ħafna gruppi flimkien u anke żgħażagħ kontra l-Partit Laburista. Wisq aktar importanti, il-Kap Nazzjonalista Alex Borg ħa jipprova jbigħ in-narrattiva li l-każ ta’ Daphne jista’ jingħalaq biss b’bidla fil-gvern.  

Dawn l-istess osservaturi qalu li filwaqt li Daphne li nqatlet disa’ snin ilu, kienet persuna diviżiva mal-pubbliku Malti, il-fatt li verdett fil-konfront ta’ Yorgen Fenech kien tant xokkanti u mhux mistenni, ħa jservi biex jerġgħu jinfetħu feriti antiki. U jqajjem il-mistoqsija fost in-nies għalfejn il-Gvern Laburista taħt Robert Abela ma kienx kapaċi jsolvi u jaffronta din il-pjaga nazzjonali. 

Feriti li jindikaw b’mod qawwi l-korda umbikali li kienet teżisti bejn Kastilja u Yorgen Fenech. B’mod speċjali s-sehem ta’ Keith Schembri l-Eks Kap tas-Segretarjat ta’ Joseph Muscat, kif ukoll Muscat innifsu. Ma ninsewx ukoll il-fatt li Robert Abela dakinhar kien membru tal-kabinett u konsulent ta’ Muscat. 

L-istess osservaturi qalu li l-każ Daphne ħa jservi biex jamplifika l-problemi kollha li ħa jaffaċċja l-gvern bħall-qtugħ tad-dawl, il-bini esaġerat, il-pressjoni tat-traffiku u l-problema tal-barranin. “Daphne ħa tkun it-tarka ta’ dawk kollha li jridu jikkritikaw il-Gvern.” 

Din id-darba, Robert Abela jrid joqgħod attent kif jirribatti l-kritika, għax filwaqt li huwa minnu li l-verdett ma kienx fil-kontroll ta’ Abela, ix-xhieda fetħu ħafna mistoqsijiet fuq Kastilja.  

Il-konferenza stampa tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat xejn ma għenet lil Abela. Infatti kien hemm min f’Kastilja ddejjaq bil-konferenza stampa fejn Muscat prova jiġġustifika l-inġustifikabbli. Muscat għal ħafna deher bħala politiku skadut u l-argumenti li ppreżenta fil-preżenza ta’ sangisugi bħal Jason Micallef, Ricky Caruana u Neville Gafa kienet imxebbha ma’ naħqa ta’ ħmar. 

Fil-konferenza stampa tiegħu, Joseph Muscat qal li baqa’ “perpless” bil-verdett li ħeles lil Yorgen Fenech u sostna li matul il-ġuri ngħataw diversi verżjonijiet li, skontu, ma kinux jaqblu mal-fatti. Hu ċaħad li Keith Schembri kien jgħaddi informazzjoni dwar l-investigazzjoni jew li hu stess kien jaf minn qabel bid-dati ta’ arresti u tfittxijiet. 

Muscat iddefenda wkoll id-deċiżjoni tiegħu li jagħti maħfra presidenzjali lil Melvin Theuma, u qal li kien ġie konvint mill-Avukat Ġenerali u mill-Kummissarju tal-Pulizija li din kienet meħtieġa biex l-investigazzjoni timxi ’l quddiem. Hu qal ukoll li r-riżenja tiegħu ma kinitx ammissjoni ta’ falliment, iżda pass biex ma tinħoloqx l-iċken impressjoni ta’ ndħil. 

Fl-istess waqt, Muscat ikkritika l-attakki fuq il-ġurati u qal li wieħed ma jistax jiddefendi l-istituzzjonijiet biss meta d-deċiżjonijiet tagħhom ikunu jaqblu miegħu. Hu kkontesta wkoll partijiet mill-inkjesta pubblika u sostna li ċerti konklużjonijiet tagħha ma jaqblux mal-verdett tal-ġuri. 

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qam għal sfida kbira wara sajf bi sħana bla tmiem. Jidher li hemm ħeġġa kbira fil-PN, u bl-avvenimenti marbutin mal-festi Indipendenza, il-kap żagħżugħ jidher invigorat u determinat li ma jitlifx iċ-ċans li jiġbed it-tapit minn taħt saqajn il-Prim Ministru Abela. 

Alex Borg qed jinsisti li l-verdett fil-konfront ta’ Yorgen Fenech ma jagħlaqx il-kapitlu tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Hu qal li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jirrispetta d-deċiżjoni tal-ġurati u l-prinċipju li ħadd ma jista’ jinstab ħati jekk il-każ ma jiġix ippruvat lil hinn minn kull dubju raġonevoli, il-pajjiż għadu mingħajr tweġiba dwar min ordna l-qtil. 

Borg qed jipprova jqiegħed il-każ ukoll fil-qalba tad-dibattitu dwar l-istituzzjonijiet. Hu talab aktar riformi biex tissaħħaħ l-indipendenza tal-Pulizija, tal-ġudikatura u tal-istituzzjonijiet l-oħra, filwaqt li qal li l-ġurnalisti għandhom ikunu jistgħu jaħdmu mingħajr intimidazzjoni. Hu argumenta li dak li ħareġ waqt il-ġuri wera l-konsegwenzi meta ma jkunx hemm separazzjoni ċara bejn l-istituzzjonijiet. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni attakka wkoll is-skiet inizjali ta’ Robert Abela wara l-verdett, li sejjaħlu “xokkanti”. Borg qal li l-PN se jibqa’ jitlob il-verità, ir-responsabbiltà politika u ġustizzja sħiħa għall-familja Caruana Galizia. 

More in Kronaka