Il-ġurnata meta d-dinja nbidlet: 25 sena mill-11 ta’ Settembru 2001

Ħamsa u għoxrin sena wara l-attakki tal-11 ta’ Settembru, id-dinja għadha tgħix bil-konsegwenzi tagħhom. Minn gwerer twal fl-Afganistan u l-Iraq, għal rivoluzzjoni fis-sigurtà, sorveljanza u libertajiet ċivili, 9/11 ma bidilx biss l-Amerka — fetaħ era ġdida fil-politika u s-sigurtà globali

Għaddew 25 sena minn waħda mill-aktar ġranet trawmatiċi fl-istorja moderna. Fil-11 ta’ Settembru 2001 filgħodu, erba’ ajruplani kummerċjali nħatfu minn 19-il terrorist tal-al-Qaeda u ntużaw bħala armi kontra l-Istati Uniti.  

Fi ftit sigħat, il-World Trade Center ġewwa New York kien inbidel f’muntanja ta’ nar u trab, il-Pentagon kien intlaqat u ajruplan ieħor kien waqa’ f’għalqa f’Pennsylvania wara li l-passiġġieri ppruvaw jaħtfu lura l-kontroll minn idejn it-terroristi. 

Kważi 3,000 persuna minn 90 pajjiż inqatlu fl-attakki. Iżda l-vera dimensjoni tal-11 ta’ Settembru ma setgħetx titkejjel biss bin-numru tal-vittmi. Dakinhar biddel il-politika internazzjonali, il-gwerer, is-sigurtà, il-vjaġġar bl-ajru, il-libertajiet ċivili u anke l-mod kif il-Punent kien iħares lejn it-theddida tat-terroriżmu. 

Għal ġenerazzjoni sħiħa, id-dinja ta’ qabel il-11 ta’ Settembru tidher qisha era oħra. 

 

Meta waqaf kollox 

Kienet għodwa sabiħa ta’ Settembru, u r-residenti ta’ New York kienu qed jibdew ġurnata oħra ta’ xogħol. Fid-8:46 a.m. American Airlines Flight 11 daħal fit-Torri tat-Tramuntana tal-World Trade Center. 

Għall-ewwel, ħafna ma fehmux x’kien ġara. Kien hemm min ħaseb li kien inċident traġiku. Imbagħad, fid-9:03 a.m. United Airlines Flight 175 daħal fit-Torri tan-Nofsinhar. Issa ma kienx hemm iktar dubji: New York kienet taħt attakk. 

Fid-9:37 a.m. American Airlines Flight 77 daħal fil-Pentagon, qrib Washington. U fl-10:03 a.m. United Airlines Flight 93 waqa’ qrib Shanksville, Pennsylvania, wara li l-passiġġieri u l-ekwipaġġ, li kienu saru jafu b’dak li kien qed jiġri fi New York u Washington, ippruvaw jikkumbattu lill-hijackers. 

It-Torri tan-Nofsinhar waqa’ fid-9:59 a.m. It-Torri tat-Tramuntana waqa’ fl-10:28 a.m. 

F’dawk il-minuti, Manhattan inbidlet f’xena katastrofika, kważi post-Apokalittika. Eluf ta’ nies kienu għadhom ġewwa t-torrijiet. Oħrajn kienu qed jippruvaw jinżlu t-taraġ. Pulizija, pumpiera u ħaddiema tas-salvataġġ daħlu fit-torrijiet waqt li oħrajn kienu qed jippruvaw joħorġu. 

Il-mewt ma ġietx biss immedjatament. Eluf ta’ first responders u ħaddiema li ħadmu fuq Ground Zero fis-snin ta’ wara ġew esposti għal trab u sustanzi tossiċi. 25 sena wara, il-programmi tas-saħħa relatati mal-11 ta’ Settembru għadhom qed jittrattaw għexieren ta’ eluf ta’ nies b’mard marbut mal-espożizzjoni tagħhom. 

Min kien wara l-attakki? 

L-attakki twettqu minn 19-il membru tal-al-Qaeda, in-network terroristiku mmexxi minn Osama bin Laden. 

Il-grupp kien diġà magħruf mill-awtoritajiet Amerikani. L-al-Qaeda kienet responsabbli għal sensiela ta’ attakki u kompliet tibni network internazzjonali ta’ militanti, b’bażi ewlenija fl-Afganistan taħt il-protezzjoni tar-reġim Taliban. 

Il-hijackers kienu ġew imħarrġa u ppreparati għal missjoni li kellha tkun differenti minn attakki terroristiċi preċedenti. Din ma kinitx sempliċement kwistjoni ta’ bomba jew ta’ hijacking tradizzjonali bil-għan li jsir negozjar. L-ajruplani nfushom kellhom isiru l-armi. 

L-għan kien simboliku daqskemm kien fiżiku: il-World Trade Center kien simbolu tal-qawwa ekonomika Amerikana; il-Pentagon kien simbolu tal-qawwa militari; u Washington kienet il-qalba tal-poter politiku. 

Il-konsegwenza kienet xokk globali. 

Id-dinja ngħaqdet wara l-Amerka 

Fl-ewwel jiem wara l-attakki, kien hemm sens straordinarju ta’ solidarjetà internazzjonali mal-Istati Uniti. 

Il-President George W. Bush iddikjara li l-Amerka kienet se tiġġieled kontra dawk responsabbli. Iżda l-appoġġ ma ġiex biss minn alleati tradizzjonali. Pajjiżi madwar id-dinja kkundannaw l-attakki u offrew koperazzjoni fl-intelligence, fil-pulizija u fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. 

L-aktar sinjal qawwi ta’ din is-solidarjetà ġie min-NATO. Fit-12 ta’ Settembru 2001, l-Alleanza invokat għall-ewwel u, sal-lum, l-unika darba fl-istorja tagħha l-prinċipju tal-Artikolu 5: attakk fuq membru wieħed jitqies bħala attakk fuq l-alleanza kollha. 

Il-Gran Brittanja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u pajjiżi oħra Ewropej ingħaqdu fl-isforz Amerikan.  

Għal ftit żmien, id-differenzi politiċi li kienu jaqsmu d-dinja tal-Punent dehru sekondarji. 

Imma s-solidarjetà ma damitx ma nbidlet fi gwerra. 

 

L-Afganistan: l-ewwel gwerra 

Il-mira inizjali kienet ċara: l-al-Qaeda u r-reġim li kien qed jagħtiha kenn. Ftit ġimgħat wara l-attakki, l-Istati Uniti u l-alleati tagħha nedew operazzjoni militari fl-Afganistan. L-għan kien li jinqered il-bażi tal-al-Qaeda u jitwaqqa’ r-reġim Taliban li kien qed joffri kenn lil Osama bin Laden u l-organizzazzjoni tiegħu. In-NATO tgħid li din kienet l-ewwel operazzjoni tagħha barra miż-żona Ewro-Atlantika u li l-gwerra fl-Afganistan kellha rwol fundamentali fit-trasformazzjoni tal-Alleanza wara l-11 ta’ Settembru. 

Ir-reġim Taliban waqa’ malajr. Iżda l-gwerra ma spiċċatx. 

Dak li kellu jkun kampanja kontra network terroristiku evolva f’kunflitt twil 20 sena. Il-forzi Amerikani u alleati ppruvaw jibnu istituzzjonijiet ġodda, armata u gvern Afgan, filwaqt li l-insurġenza Taliban reġgħet kibret. 

Fl-2011, l-Istati Uniti rnexxielha toqtol lil Osama bin Laden f’operazzjoni f’Abbottabad, fil-Pakistan. Għal ħafna Amerikani, dan kien mument ta’ vendetta u ta’ għeluq simboliku. 

Iżda ma kienx it-tmiem tal-gwerra. 

Fl-2021, wara 20 sena ta’ preżenza militari Amerikana, il-forzi tal-Istati Uniti telqu mill-Afganistan. It-tluq kien kaotiku u t-Taliban reġgħu ħadu l-kontroll tal-pajjiż minnufih. Fit-30 ta’ Awwissu 2021, l-Istati Uniti ħabbret li kienet temmet l-evakwazzjoni u neħħiet il-forzi kollha tagħha mill-Afganistan. 

U mbagħad ġie l-Iraq 

L-aktar kontroversjali mill-konsegwenzi tal-11 ta’ Settembru kienet il-gwerra fl-Iraq. Fl-2003, l-Istati Uniti u alleati invadew l-Iraq u waqqgħu lil Saddam Hussein. L-argumenti ewlenin kienu relatati mal-allegati armi ta’ qerda massiva u r-riskju li r-reġim Iraqi kien theddida għas-sigurtà internazzjonali. 

Iżda l-Iraq ma kienx responsabbli għall-11 ta’ Settembru. 

Ir-Rapport tal-Kummissjoni 9/11 sab li ma kienx hemm evidenza konvinċenti li l-Iraq kien ippjana jew wettaq l-attakki. Il-kummissjoni sabet li kien hemm kuntatti bejn uffiċjali Iraqin u membri tal-al-Qaeda, iżda ma sabitx evidenza li dawn evolvew f’relazzjoni operattiva għall-kollaborazzjoni fit-twettiq ta’ attakki kontra l-Istati Uniti. 

Il-gwerra fl-Iraq għalhekk saret wieħed mill-akbar eżempji ta’ kif il-11 ta’ Settembru estenda l-konfini tal-“War on Terror”. 

Il-waqgħa ta’ Saddam ħolqot vojt politiku u ta’ sigurtà li wassal għal snin ta’ vjolenza settarja u insurġenza. Aktar tard, mill-kaos tal-Iraq u l-gwerra fis-Sirja, kiber l-Istat Iżlamiku, magħruf bħala ISIS. 

Il-grupp spiċċa jikkontrolla territorju, jiddikjara “kalifat” u jwettaq attakki terroristiċi fi bliet Ewropej u f’partijiet oħra tad-dinja. 

B’hekk, ironikament, il-gwerra li kienet parti mill-ġlieda kontra t-terroriżmu tat lok għal fażi ġdida u saħansitra aktar kumplessa tat-theddida terroristika. 

 

Amerika ġdida  

Il-bidla ma seħħitx biss barra mill-Amerka. 

Wara l-11 ta’ Settembru, l-Istati Uniti bniet sistema ġdida ta’ sigurtà nazzjonali. Il-USA PATRIOT Act espanda b’mod sostanzjali s-setgħat tal-awtoritajiet biex jiġbru informazzjoni u jinvestigaw it-terroriżmu. 

Fl-2002 inħoloq id-Department of Homeland Security, li għaqqad 22 aġenzija u uffiċċju federali f’dipartiment wieħed. 

L-ajruporti nbidlu wkoll għal dejjem. 

Il-kontrolli tas-sigurtà saru ferm aktar stretti. Il-bibien tal-cockpit ġew rinfurzati. Il-passiġġieri ma setgħux jibqgħu jaċċessaw iż-żoni ta’ wara l-kontrolli bl-istess mod. Inħolqot it-Transportation Security Administration u bdew jintużaw teknoloġiji u proċeduri ġodda ta’ screening. 

Dak li llum inqisuh bħala parti normali mill-vjaġġ bl-ajru — kontrolli, limiti fuq likwidi, scanning aktar strett u proċeduri ta’ sigurtà — għandu l-għeruq tiegħu f’dik il-ġurnata. 

Iżda l-prezz kien ukoll dibattitu kbir dwar kemm stat jista’ jissagrifika libertajiet individwali biex jipproteġi liċ-ċittadini tiegħu. 

Sorveljanza tal-massa, detenzjoni mingħajr proċess normali, interrogazzjonijiet brutali u l-ħabs ta’ Guantánamo saru simboli ta’ dan il-kunflitt bejn is-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem. 

L-Ewropa wkoll ġiet attakkata 

Il-11 ta’ Settembru ma kienx l-aħħar kapitlu tat-terroriżmu internazzjonali. 

Madrid sofriet l-attakki tal-2004. Londra kienet fil-mira t’attakki fl-2005. Aktar tard ġew Pariġi, Brussell, Nizza, Berlin u diversi bliet oħra. 

Il-kunflitt ma baqax biss bejn armati u gvernijiet. Il-gruppi terroristiċi bdew jużaw l-internet, il-midja soċjali u l-propaganda diġitali biex jirreklutaw u jispiraw individwi li kultant ma kellhomx kuntatt dirett ma’ organizzazzjoni terroristika. 

Dan wassal biex il-ġlieda kontra t-terroriżmu tinbidel mill-ġdid: minn gwerra kontra bażijiet u gvernijiet għal ġlieda kontra networks żgħar, ċelloli, finanzjament, propaganda u radikalizzazzjoni. 

 

25 sena wara 

Illum l-Amerika mhijiex l-istess pajjiż li kienet 25 sena ilu. Iżda lanqas id-dinja mhi dik tal-2001. 

Ħafna mill-bniet u subien li twieldu wara l-attakki qatt ma raw it-Twin Towers wieqfa. Għalihom, 9/11 huwa storja, filmati arkivjati u lezzjoni tal-istorja. Għall-ġenerazzjoni ta’ qabel, jibqa’ memorja personali: fejn kienu, x’kienu qed jagħmlu, meta raw l-ewwel ajruplan, meta fehmu li ma kienx inċident. 

Il-Ground Zero sar monument u post ta’ tifkira. Il-bini l-ġdid tal-World Trade Center sar simbolu tar-reżiljenza ta’ New York. F’Washington u Pennsylvania nbnew ukoll monumenti biex ifakkru l-vittmi. 

Imma l-akbar wirt tal-11 ta’ Settembru ma jinsabx fil-bini. Jinsab fil-politika. 

Jinsab fil-gwerer li damu għexieren ta’ snin. Jinsab fl-eluf ta’ suldati li mietu u fil-miljuni ta’ nies li sofrew fil-Lvant Nofsani u fl-Asja Ċentrali. Jinsab fil-familji li għadhom qed isofru l-konsegwenzi mediċi tal-ħaddiema esposti għal Ground Zero. Jinsab fil-libertajiet ċivili li ġew ristretti u fid-dibattitu dwar kemm setgħa għandu jkollu stat f’isem is-sigurtà. 

U jinsab ukoll fil-bidla fil-politika internazzjonali. 

L-Amerika ħarġet mill-Gwerra Bierda bħala s-superpotenza dominanti. Wara l-11 ta’ Settembru, l-attenzjoni tagħha għal għexieren ta’ snin kienet iffukata fuq it-terroriżmu u l-Lvant Nofsani. Illum, il-kompetizzjoni ma’ potenzi bħaċ-Ċina u r-Russja reġgħet saret prijorità, filwaqt li t-theddida terroristika evolviet u saret aktar frammentata.  

 

Dak li baqa’ 

Il-11 ta’ Settembru ma bediex biss gwerra kontra l-al-Qaeda. Beda era. Kienet era li rat l-invażjoni tal-Afganistan, il-gwerra fl-Iraq, il-waqgħa ta’ Saddam Hussein, il-qtil ta’ Osama bin Laden, il-ħolqien tal-ISIS, il-gwerer twal tal-Lvant Nofsani u t-tkabbir enormi tal-apparat globali ta’ sigurtà u intelligence. 

Kien hemm kisbiet ukoll. L-ebda attakk ieħor fuq skala ta’ 9/11 ma seħħ fuq art Amerikana. Is-sigurtà fl-avjazzjoni nbidlet radikalment. Il-koperazzjoni internazzjonali kontra t-terroriżmu ssaħħet. 

Iżda l-prezz kien enormi. 

U forsi dik hija l-akbar lezzjoni tal-25 anniversarju: li l-istorja ma tinbidilx biss bl-attakk innifsu, iżda wkoll bir-reazzjoni għalih. 

Il-11 ta’ Settembru kien att ta’ terroriżmu maħsub biex ibeżża’ u jħawwad lill-Amerka. Iżda dak li ġara wara — il-gwerer, il-liġijiet, il-politiki, il-biżgħat u l-bidliet fis-soċjetà — kien determinat mill-għażliet li għamlu l-gvernijiet u n-nies wara li d-duħħan beda jonqos. 

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tistax tkun biss ġlieda biex tipproteġi l-ħajja. Trid tkun ukoll ġlieda biex tipproteġi l-libertà, id-dinjità u l-paċi — inkella l-biża’ li ħolqu t-terroristi tkun rebħet aktar milli qatt setgħu jimmaġinaw. 

Chris Fearne: 25 Sena wara l-11 ta’ Settembru: Meta ċ-ċertezzi bdew jitfarrku 

Ħamsa u għoxrin sena ilu, id-dinja waqfet għal mument. 

Kważi 3,000 persuna tilfu ħajjithom fl-attakki tal-11 ta’ Settembru 2001. Eluf oħra ndarbu u familji sfaw mifrudin għal dejjem. Illum, l-ismijiet tal-vittmi jibqgħu minquxin fil-Memorial Plaza fi New York bħala tifkira permanenti tal-prezz li jħallsu l-popli meta l-vjolenza u l-estremiżmu jieħdu post id-djalogu u l-koperazzjoni. 

Iżda l-11 ta’ Settembru ma kienx biss traġedja umana. Kien mument li kisser l-assunzjoni li s-sigurtà setgħet tittieħed bħala garantita. Wara t-tmiem tal-Gwerra Bierda, ħafna kienu jemmnu li d-dinja kienet miexja lejn aktar stabbiltà, prosperità u koperazzjoni. Id-9/11 wera kemm dik iċ-ċertezza kienet fraġli. 

Il-25 sena li segwew komplew jikkonfermaw din il-lezzjoni. Illum, aktar minn qatt qabel, qed naraw kemm id-dinja tista’ tkun post perikoluż. Rajna gwerer, kriżijiet finanzjarji, pandemiji u xokkijiet fl-enerġija. Fl-istess ħin, ħarġu sfidi ġodda: attakki ċibernetiċi, diżinformazzjoni u attakki li ħafna drabi jsiru bil-loġika ta’ “itfa’ l-ġebla u aħbi idek”, fejn mhux dejjem ikun ċar min hu responsabbli. L-intelliġenza artifiċjali, min-naħa tagħha, qed tiftaħ opportunitajiet enormi, iżda qed tqajjem ukoll mistoqsijiet ġodda dwar is-sigurtà, il-governanza u l-etika. 

F’dinja interkonnessa, kważi l-ebda kriżi ma tibqa’ lokali għal żmien twil. It-tensjonijiet f’passaġġ marittimu bħall-Istrett ta’ Ħormuż, pereżempju, jistgħu jolqtu l-prezzijiet tal-enerġija, il-katini tal-provista u l-ekonomiji eluf ta’ kilometri ’l bogħod. 

Malta tifhem din ir-realtà sew. Bħala pajjiż gżira miftuħ għall-kummerċ u marbut mill-qrib mal-bqija tad-dinja, għandna interess vitali f’ordni internazzjonali msejsa fuq ir-regoli, ir-rispett tad-dritt internazzjonali u l-koperazzjoni bejn l-istati. 

Għal pajjiż tal-qies tagħna, is-saħħa tal-liġi tibqa’ ferm aktar importanti mil-liġi tas-saħħa. Għal stati żgħar, il-protezzjoni vera ma tiġix mill-piż militari jew ekonomiku tagħhom, iżda minn sistema internazzjonali fejn ir-regoli japplikaw għal kulħadd. Din mhijiex biss kwistjoni ta’ prinċipju. Hija kwistjoni ta’ interess nazzjonali. 

L-esperjenza ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda wriet ukoll li pajjiż żgħir jista’ jagħmel differenza meta jkun sieħeb kredibbli, kapaċi jibni l-fiduċja u jressaq flimkien perspettivi differenti. L-istess jgħodd fil-ħidma tagħna fis-saħħa globali, fis-sigurtà marittima u fl-iżvilupp internazzjonali. 

Ħamsa u għoxrin sena wara l-11 ta’ Settembru, il-lezzjoni tibqa’ ċara: is-sigurtà qatt ma tista’ tittieħed bħala garantita. Trid tinbena kuljum permezz ta’ istituzzjonijiet b’saħħithom, koperazzjoni internazzjonali, prosperità kondiviża u rispett għad-drittijiet tal-bniedem. 

Għal Malta, dan mhuwiex argument astratt favur il-multilateraliżmu. Huwa mod kif inħarsu s-sigurtà tagħna, nipproteġu l-interessi tagħna u nikkontribwixxu għal dinja aktar stabbli. F’dinja dejjem aktar frammentata, il-valur ta’ Malta mhux se jitkejjel mid-daqs tagħha, iżda mill-kredibbiltà tagħha u mill-kapaċità li tlaqqa’ lill-oħrajn u tikkontribwixxi għal soluzzjonijiet komuni. 

Minn Beppe Fenech Adami 

L-avvenimenti tal-11 ta’ Settembru 2001 bidlu d-dinja minn kif konna nafuha sa dakinhar għal dejjem. Ix-xena ta’ ajruplani jisplodu fit-Twin Towers ta’ New York, ix-xena tal-arjuplan jisplodi fil-Pentagon, ix-xena ta’ ajruplan imġarraf fil-wesgħat ta’ Pennsylvania jibqgħu mnaqqxa fil-memorja ta’ kull wieħed u waħda minna li għexna dak il-mument. 

Kien attakk terroristiku, li assistejna għalih ‘live’ fuq it-televiżjoni. Kien attakk terroristiku li fetaħ għajnejn kulħadd kemm, minkejja kollox, konna (u probabbilment għadna) ngħixu f’dinja vulnerabbli għal attakki minn mingħalih il-ħajja ma għandha valur ta’ xejn. Attakki minn terroristi li fl-għamad tagħhom, fl-estremiżmu tagħhom, qatlu lilhom infushom biex qatlu magħhom aktar minn 3,000 persuna oħra innoċenti li mietu għax inzertaw kienu hemm f’dak il-post fil-ħin il-ħażin.  

Kienu attakki li ġabu konsegwenzi kbar fuq tant miljuni oħra. Attakki li skattaw il-Gwerra kontra t-terroriżmu. Skattaw l-attakki u l-gwerra fl-Afganistan. Gwerra li kaxkret għal aktar minn 20 sena u llum, wara dawn is-snin kollha, dan il-pajjiż jinsab għarkupptejh immexxi mit-Taliban – il-Forza li flimkien mal-al-Qaeda kienet wara l-istess attakki tad-9 ta’ Settembru. Assistejna għal gwerra fl-Iraq, gwerra li qajmet tant dubji għall-ġustifikazzjoni tagħha. Gwerra li nbdiet sabiex jinstabu u jinqerdu ‘armi kimiċi’ li qatt ma nstabu. Gwerra li wkoll ħalliet tant u tant vittmi. Gwerra li ġabet tant taqlib fir-reġjun; reġjun li sal-lum għadu jbaqbaq u li donnu ma jista’ qatt isib il-paċi. 

Fuq livell internazzjonali, dawn l-attakki kienu wake up call għall-pajjiżi kollha sabiex jifhmu li t-terroriżmu internazzjonali huwa realtà li jista’ jiġi megħlub biss b’koperazzjoni internazzjonali, bi sforz kollettiv u b’determinazzjoni li ebda pajjiż ma jitħalla waħdu. L-attakki fakkruna illi l-estremiżmi, anke dawk ta’ twemmin reliġjuż, ma għandhom qatt jitħallew jixxettlu u jrabbu l-għeruq sal-punt li jsiru qattiela. 

Bla dubju, l-attakki tad-9 ta’ Settembru bidlu l-ħajja ta’ kuljum. Bidlu l-mod kif nivvjaġġaw, il-mod kif insiefru, il-mod kif inżommu postijiet pubbliċi sikuri. 

Illum, 25 sena wara l-attakki tad-9 ta’ Settembru, sfortunatament għadna ngħixu f’dinja ta’ gwerer, f’dinja ta’ mibegħda, f’dinja ta’ kunflitti, f’dinja fejn ta’ kuljum jinqatlu nies innoċenti. Jalla kull min għandu s-setgħa jew xi forma ta’ poter u saħħa juża l-istess setgħa sabiex l-umanità u d-dinja li ngħixu fiha jkunu dejjem aktar sikuri.  

More in Kronaka