L-Uffiċċju tal-Ombudsman sab li Transport Malta naqset milli ssegwi prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba fl-immaniġġjar tal-applikazzjonijiet għall-permessi sottomessi mill-Partit Momentum rigward it-twaħħil ta' banners politiċi.
Matthew Agius, membru eżekuttiv tal-Partit Momentum, qal li l-każ enfasizza l-ħtieġa għal proċeduri trasparenti u responsabbli fi ħdan l-awtoritajiet pubbliċi, ''partikolarment fejn id-deċiżjonijiet ikollhom impatt fuq l-espressjoni politika u t-trattament ugwali.''
Huwa żied jgħid li dan huwa saħansitra aktar serju meta wieħed jikkunsidra li bħalissa lil Malta qiegħda tkun espsosta għal ''propaganda kontinwa tal-gvern'', mhux biss fuq il-billboards iżda fuq l-għamara tat-toroq kollha madwar Malta.
Is-sejba segwiet ilment formali mill-Partit Momentum dwar restrizzjonijiet imposti fuq l-applikazzjonijiet tagħha għal permessi ta’ banners fit-toroq. L-Ombudsman sab li Transport Malta naqset milli tikkomunika b’mod ċar il-proċeduri applikabbli u ma kinitx wieġbet jew innotifikat lill-applikant dwar id-deċiżjoni tagħha.
F’Ottubru li għadda, il-Partit Momentum talab lill-Ombudsman sabiex jinvestiga lil Transport Malta wara li l-awtorita' naqset, għal aktar minn xahrejn, milli toħroġ jew tiddeċiedi dwar permess ta’ banner għal avveniment.
Minkejja li ssottomettiet id-dokumenti, ir-ritratti u l-formoli kollha, u għamlet komunikat mal-awtorita' b'mod ripetut, Transport Malta tat struzzjonijiet kontradittorji, irrifjutat li tispjega r-regoli tagħha, u mbagħad waqfet twieġeb għalkollox, qalet Momentum.
Huma qalu li dawn in-nuqqasijiet instabu li jmorru kontra l-prinċipji ewlenin ta’ amministrazzjoni tajba, inklużi t-trasparenza, ir-responsabbilta', l-effiċjenza, u r-risponsività.
Il-każ ġie kklassifikat bħala każ ta’ amministrazzjoni ħażina skont l-Artikolu 22(b) u (d) tal-Att dwar l-Ombudsman, u nstab li l-ilmentatur; f'dan il-każ il-Partit Momentum; sofra inġustizzja b’riżultat ta’ dan.
L-Ombudsman ħareġ serje ta’ rakkomandazzjonijiet lil Transport Malta, inkluż l-istabbiliment ta’ politika ċara u unifikata dwar il-permessi tal-banners, l-introduzzjoni ta’ formola ta’ applikazzjoni standard, l-iżvilupp ta’ sistema ta’ applikazzjoni online, u obbligu formali li d-deċiżjonijiet jiġu kkomunikati lill-applikanti flimkien mar-raġunijiet warajhom.
Transport Malta ġiet irrakkomandata wkoll li tidentifika u tippubblika siti magħżula fejn jistgħu jiġu installati banners temporanji, bl-Ombudsman jenfasizza li din l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku sabiex tiġi żgurata l-ġustizzja għall-applikanti kollha.