Testijiet li saru fil-laboratorji tal-Università ta’ Malta fuq kampjuni tal-kannabis miġbura għal għarrieda mill-assoċjazzjonijiet regolati u liċenzjati mill-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) u kampjuni ta’ kannabis traffikata llegalment, sabu traċċi ta’ pestiċidi fil-kannabis illegali waqt li dawn ma rriżultawx fil-kannabis imkabbra skont il-liġi.
Id-dettalji ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet minn Dr Godwin Sammut – l-espert forensiku li mexxa l-analiżi xjentifika f’dan l-eżerċizzju komparattiv bejn iż-żewġ tipi ta’ kannabis. F’dan l-eżerċizzju, l-ewwel tax-xorta tiegħu, ġew analizzati 24 kampjun maqsuma nofs b’nofs bejn il-kannabis kkultivata fl-Assoċjazzjonijiet liċenzjati u dik illegali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, qalet li dan ir-riżultat huwa prova konkreta oħra li r-riforma dwar l-użu responsabbli tal-kannabis qiegħda tilħaq l-iskop tagħha għaliex bil-kontrolli li qed isiru qiegħda titnaqqas il-ħsara għas-saħħa mill-kannabis illegali.
“Din l-analiżi tat serħan il-moħħ tal-kontrolli effettivi li l-ARUC qiegħda tagħmel fuq l-assoċjazzjonijiet li fost oħrajn ma jistgħux jużaw l-ebda tip ta’ pestiċida fil-kultivazzjoni tax-xtieli tal-kannabis,” qalet Buttigieg.
Hija żiedet tgħid li dawn ir-riżultati juru l-periklu akbar tal-kannabis illegali li barra l-pestiċidi spiss qed tkun kannabis sintetika li hija ta’ periklu akbar għas-saħħa.
Is-Segretarju Parlamentari saħqet li dan l-istudju ma sarx biex jippromwovi l-konsum tal-kannabis legali għaliex kienet u hija l-missjoni tal-Gvern li jiskoraġġixxi l-konsum ta’ kull tip ta’ droga, tant li din is-sena l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis se tinvesti man-nofs miljun ewro f’kampanji edukattivi u ta’ prevenzjoni.
Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-ARUC Dr Joey Reno Vella qal li dan l-istudju sar bis-saħħa tal-ftehim ta’ koperazzjoni bejn l-ARUC u l-Università ta’ Malta u li se jkomplu jikkollaboraw f’din ir-riċerka.
Vella ta wkoll rendikont ta’ kif l-ARUC qiegħda taġixxi fuq rapporti li jaslulha dwar inkonvenjent li r-riħa tal-kannabis tista’ tikkawża lil persuni terzi f’postijiet residenzjali. Huwa qal li fi ftit xhur, l-ARUC waslulha 140 ilment minn dawn fuq il-freephone 80002088 li l-maġġoranza tagħhom ġew solvuti wara li l-uffiċjali tal-infurzar tal-ARUC irrakkomandaw azzjonijiet effettivi ta’ rimedju biex tneħħa l-inkonvenjent.
Vella saħaq li r-riforma dwar l-użu responsabbli tal-kannabis trid tħares ukoll l-interess ta’ persuni terzi għaliex l-użu responsabbli għandu jkun b’rispett u b’responsabbiltà lejn kulħadd.