Il-Kamra tal-Kummerċ titlob ftehim nazzjonali dwar il-mudell ekonomiku, it-trasport u l-enerġija

​Standfirst: Fil-proposti tagħha għall-Budget 2027, il-Kamra tgħid li Malta trid tiddeċiedi jekk hix se tkompli tiddependi fuq mudell ibbażat fuq aktar ħaddiema u aktar pressjoni fuq l-infrastruttura • Tressaq aktar minn 150 proposta taħt it-tema “RESET and LEAD”

Ritratt: Kamra tal-Kummerċ
Ritratt: Kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li Malta tinsab f’punt fejn trid tiddeċiedi jekk il-mudell ekonomiku li mexxa t-tkabbir tal-aħħar 13-il sena għandux jibqa’ l-istess għall-għaxar jew għoxrin sena li ġejjin.

Il-messaġġ ingħata waqt laqgħa mal-Oppożizzjoni bi tħejjija għall-Budget 2027, fejn il-President tal-Kamra William Spiteri Bailey ippreżenta lill-Kap tal-PN Alex Borg dokument b’aktar minn 150 proposta taħt it-titlu “RESET and LEAD”.

Il-Kamra reġgħet appellat għal qbil nazzjonali bejn il-partiti politiċi fuq oqsma li, fil-fehma tagħha, jeħtieġu ppjanar lil hinn minn leġiżlatura waħda.

Fost dawn semmiet il-produttività, it-trasport, l-enerġija, l-edukazzjoni u r-riforma tal-istituzzjonijiet.

Skont il-Kamra, Malta kellha snin ta’ tkabbir ekonomiku u n-negozji lokali wrew reżiljenza, iżda issa hemm bżonn mistoqsija aktar fit-tul dwar jekk l-istess formula hijiex biżżejjed għall-futur.

Hija sostniet li t-tkabbir ma jistax jibqa’ jiddependi prinċipalment fuq aktar ħaddiema, aktar sigħat ta’ xogħol u aktar pressjoni fuq l-infrastruttura.

Minflok, qalet li l-ekonomija trid tiġġenera aktar valur minn kull ħaddiem, minn kull siegħa maħduma u minn kull ewro investit.

Il-Kamra semmiet żieda ta’ 0.1% fil-produttività tax-xogħol, meta mqabbla ma’ żieda ta’ 4.4% fil-kumpens tal-ħaddiema, u qalet li din id-differenza turi l-isfida li qed tiffaċċja l-ekonomija.

F’dan il-kuntest, wissiet ukoll kontra diskussjoni dwar ġimgħa tax-xogħol iqsar qabel ma l-pajjiż jindirizza l-kwistjoni tal-produttività.

Spiteri Bailey qal li l-produttività għandha ssir prijorità nazzjonali, sostnuta minn aktar investiment fil-ħiliet, it-taħriġ, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, kif ukoll minn settur pubbliku aktar effiċjenti.

It-trasport kien qasam ieħor fejn il-Kamra talbet qbil fit-tul. Hija pproponiet strateġija fuq perjodu ta’ bejn 20 u 30 sena biex il-politika tat-trasport ma tinbidilx fundamentalment kull darba li jinbidel il-Gvern.

Fuq l-enerġija, il-Kamra qalet li l-familji u n-negozji għandhom jibqgħu protetti, iżda sostniet li Malta trid gradwalment tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq is-sussidji.

Hija talbet aktar investiment f’enerġija nadifa, effiċjenza fl-użu tal-enerġija, sistemi ta’ ħażna u n-network tal-elettriku, filwaqt li jsir ippjanar għal industriji u teknoloġiji ġodda.

Il-Kamra ressqet ukoll proposti dwar it-tisħiħ tal-Parlament.

Spiteri Bailey qal li d-deputati għandu jkollhom aktar riżorsi biex jiskrutinizzaw il-ħidma tal-Gvern, janalizzaw il-liġijiet u jieħdu sehem b’mod aktar effettiv fit-tfassil ta’ politika fit-tul.

Fost il-proposti hemm li d-deputati jsiru full-time u li jinħoloq servizz ta’ riċerka parlamentari.

Il-Kamra insistiet li l-għan għandu jkun li ċerti deċiżjonijiet strateġiċi ma jibqgħux marbuta ma’ ċiklu elettorali wieħed, iżda jkunu mibnija fuq pjan nazzjonali li jibqa’ għaddej fuq diversi snin.

More in Kronaka