Tobba tas-saħħa pubblika jitolbu li l-elettriku jitqies bħala infrastruttura essenzjali għas-saħħa
L-assoċjazzjoni tgħid li l-qtugħ tad-dawl waqt is-sħana estrema tas-sajf żied ir-riskji għas-saħħa • Tipproponi standards ta’ reżiljenza għall-faċilitajiet tas-saħħa u reviżjoni indipendenti ta’ dak li ġara fl-2026
minn Jaelle Borg
Il-Malta Association of Public Health Medicine qed tappella biex provvista tal-elettriku affidabbli, affordabbli u sostenibbli titqies bħala parti essenzjali mill-infrastruttura tas-saħħa tal-pajjiż.
L-appell jasal wara s-sħana estrema u l-qtugħ mifrux tad-dawl li ntlaqtu bihom diversi nħawi ta’ Malta matul is-sajf tal-2026.
Il-MAPHM qalet li l-elettriku ma jistax jitqies biss bħala servizz domestiku jew ħtieġa ekonomika, iżda bħala kundizzjoni bażika biex is-sistema tas-saħħa tkun tista’ taħdem b’mod sigur u reżiljenti.
Skont l-assoċjazzjoni, sptarijiet, ċentri tas-saħħa, laboratorji, spiżeriji u djar residenzjali jiddependu kollha fuq provvista stabbli tal-elettriku.
Dan japplika wkoll għat-tkessiħ, is-servizzi tal-ilma, apparat mediku, komunikazzjoni, dijanjosi u l-ħażna sigura ta’ mediċini u prodotti tad-demm.
MAPHM irreferiet ukoll għall-World Health Organization, li tqis provvista affidabbli tal-elettriku bħala kruċjali għall-kontinwità tas-servizzi essenzjali tas-saħħa.
Is-sħana u l-qtugħ joħolqu riskju doppju
L-assoċjazzjoni qalet li r-riskji dehru b’mod ċar matul is-sajf, meta f’Lulju t-temperatura laħqet 43.3°C u diversi żoni esperjenzaw qtugħ tad-dawl, f’xi każijiet għal perjodi twal.
Skontha, taħlita ta’ sħana qawwija u nuqqas ta’ elettriku tista’ tħalli impatt dirett fuq is-saħħa.
Fost ir-riskji semmiet ikel li jitħassar, diffikultajiet għal persuni li jiddependu fuq mediċini li jridu jinżammu fil-friġġ, u problemi għal min juża tagħmir mediku li jaħdem bl-elettriku.
Il-MAPHM qalet ukoll li mhux kulħadd għandu l-istess kapaċità jlaħħaq ma’ qtugħ fit-tul.
Persuni li jistgħu jaffordjaw ġeneratur, akkomodazzjoni alternattiva jew li jissostitwixxu ikel u mediċini mitlufa jkunu f’pożizzjoni aħjar minn familji bi dħul baxx, anzjani li jgħixu waħedhom u persuni b’mard kroniku jew b’diżabilità.
Għalhekk, sostniet li r-reżiljenza tal-enerġija hija wkoll kwistjoni ta’ ekwità fis-saħħa.
Dipendenza qawwija fuq enerġija importata
MAPHM qalet li s-sigurtà tal-enerġija ta’ Malta trid titqies ukoll fid-dawl tad-dipendenza kbira tal-pajjiż fuq sorsi minn barra.
Skont ċifri tal-Eurostat iċċitati mill-assoċjazzjoni, fl-2024 Malta kellha rata ta’ dipendenza fuq l-importazzjoni tal-enerġija ta’ 98%, l-ogħla waħda fl-Unjoni Ewropea.
L-assoċjazzjoni qalet li aktar kapaċità ta’ ġenerazzjoni jew aktar interconnection waħedhom mhumiex biżżejjed jekk jibqgħu dgħufijiet fin-network tad-distribuzzjoni domestiku.
Fl-aħħar mill-aħħar, qalet, l-elettriku jrid jasal b’mod affidabbli fid-djar, il-faċilitajiet tas-saħħa, is-servizzi tal-kura u n-negozji.
Erba’ proposti għall-futur
Il-MAPHM qed tressaq erba’ linji ta’ azzjoni biex Malta tkun aktar reżiljenti kemm mill-aspett tal-enerġija kif ukoll tas-saħħa.
Qed titlob sistema tal-enerġija aktar diversifikata, b’emissjonijiet aktar baxxi u aktar flessibbli, li tinkludi enerġija rinnovabbli f’postijiet xierqa, battery storage, effiċjenza fl-użu tal-enerġija, demand management u aktar interconnection.
L-assoċjazzjoni qalet li s-sistema għandha tkun mibnija b’tali mod li l-ebda power station, fuel source, cable, supplier jew import route waħedhom ma jsiru punt kritiku ta’ falliment.
Qed tipproponi wkoll standards obbligatorji ta’ reżiljenza għall-faċilitajiet tas-saħħa u tal-kura.
Dawn għandhom jinkludu sistemi ta’ backup ittestjati, riservi xierqa ta’ enerġija, provvista mingħajr interruzzjoni għal tagħmir kritiku, u sistemi ta’ enerġija rinnovabbli u batteriji fejn ikun fattibbli.
Il-MAPHM qed titlob ukoll qafas nazzjonali li jgħaqqad flimkien is-sigurtà tal-enerġija, l-adattament għall-klima, is-sigurtà tal-ikel u l-ilma, it-tħejjija għall-emerġenzi tas-saħħa, il-kura soċjali u l-ippjanar tal-art.
Skontha, dan għandu jinkludi responsabbiltajiet ċari, miri li jistgħu jitkejlu, deadlines għall-implimentazzjoni u rappurtar pubbliku.
Fl-aħħar nett, l-assoċjazzjoni qed titlob reviżjoni trasparenti u indipendenti ta’ dak li seħħ fis-sajf tal-2026, segwita minn pjan ta’ azzjoni qabel is-sajf tal-2027.
Dan il-pjan, qalet, għandu jkun ibbażat fuq spejjeż konkreti u jqis temperaturi dejjem jogħlew, tkabbir fil-popolazzjoni, it-turiżmu, aktar elettrifikazzjoni u domanda ogħla għat-tkessiħ.
Il-MAPHM irrikonoxxiet ukoll il-ħidma tat-tekniċi tal-elettriku, professjonisti tas-saħħa, servizzi tal-emerġenza, carers u awtoritajiet lokali waqt il-perjodi ta’ sħana estrema.
Madankollu, wissiet li l-isforzi tal-ħaddiema fuq quddiem ma jistgħux jibqgħu jikkumpensaw għal dejjem għal dgħufijiet strutturali fis-sistema.
