“Għandna d-dover nittrattawhom bħala nies” – L-Arċisqof iwissi kontra d-diskriminazzjoni tal-ħaddiema barranin

Charles Scicluna jisħaq li l-Knisja ma tistax tkun kompliċi f’sistemi li jwasslu għall-inġustizzja, filwaqt li jfakkar li diversi servizzi essenzjali jiddependu fuq il-kontribut ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi

Ritratt: Arċidjoċesi ta' Malta - Ian Noel Pace 
Ritratt: Arċidjoċesi ta' Malta - Ian Noel Pace 

 

L-Arċisqof Charles Scicluna wissa li l-Knisja ma tistax tagħlaq għajnejha quddiem sistemi li jwasslu għad-diskriminazzjoni u l-inġustizzja, b’mod partikolari fejn jidħol it-trattament tal-ħaddiema barranin f’Malta.

Waqt l-Assemblea Djoċesana annwali, li laqqgħet aktar minn 200 persuna minn parroċċi, skejjel u entitajiet differenti tal-Knisja, Scicluna saħaq fuq ir-responsabbiltà tal-Knisja li tiddefendi d-dinjità ta’ kull persuna, irrispettivament mill-oriġini tagħha.

“Fl-opri ta’ karità tagħna għandna diversi ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jagħtu servizz tajjeb, u mingħajrhom ma nkunux nistgħu mmexxu. Għandna d-dover nittrattawhom bħala nies,” sostna l-Arċisqof.

Huwa fakkar ukoll fl-istorja tal-emigrazzjoni Maltija, filwaqt li għamel referenza għat-tagħlim tal-Evanġelju dwar l-importanza li l-barranin jintlaqgħu u jiġu ttrattati bl-istess rispett bħall-bqija tal-komunità.

Il-kummenti tal-Arċisqof saru fi żmien meta t-trattament tal-ħaddiema minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea jinsab fiċ-ċentru tad-dibattitu pubbliku, hekk kif matul din il-ġimgħa saru protesti kontra miżuri tal-Baġit 2027 li jolqtu lil dawn il-ħaddiema.

Il-Knisja għandha teżamina jekk il-ħidma tagħha għadhiex taqdi l-missjoni tagħha

Fid-diskors tiegħu, Scicluna ma ffukax biss fuq ir-responsabbiltà soċjali tal-Knisja, iżda appella wkoll għal riflessjoni dwar il-mod kif qed taħdem u jekk l-attivitajiet tagħha humiex tassew qed iwasslu l-messaġġ Nisrani.

Huwa sostna li kull inizjattiva tal-Knisja għandha tibda minn laqgħa personali ma’ Ġesù Kristu, li ddeskrivieh bħala l-pedament veru tal-ħajja u l-missjoni tagħha.

L-Arċisqof appella biex jiġu eżaminati l-istrutturi, it-tradizzjonijiet u l-attivitajiet tal-Knisja, sabiex jiġi stabbilit jekk dawn għadhomx jgħinu biex in-nies jersqu lejn Kristu u lejn xulxin, jew jekk maż-żmien sarux distrazzjoni mill-missjoni ewlenija tagħha.

Tkellem ukoll dwar l-importanza tal-familja fis-soċjetà u l-ħtieġa li din tingħata l-appoġġ meħtieġ.

Scicluna enfasizza li l-protezzjoni tat-tfal u l-ħolqien ta’ ambjenti siguri għandhom ikunu responsabbiltà ta’ kull min jagħmel parti mill-Knisja, u mhux biss ta’ dawk li jaħdmu direttament fil-qasam tas-safeguarding.

It-tfal u ż-żgħażagħ jingħataw vuċi fl-Assemblea għall-ewwel darba

Din is-sena, għall-ewwel darba, l-Arċidjoċesi organizzat żewġ assemblej preparatorji separati, waħda għat-tfal u oħra għall-adolexxenti u ż-żgħażagħ.

Matul dawn il-laqgħat, il-parteċipanti kellhom l-opportunità jaqsmu mal-Isqfijiet l-esperjenzi tagħhom, kif jaraw il-Knisja u x’bidliet jixtiequ jaraw biex din tkun aktar qrib tagħhom.

L-inizjattiva kellha l-għan li t-tfal u ż-żgħażagħ ma jitqisux biss bħala l-futur tal-Knisja, iżda jingħataw sehem attiv fil-ħajja tagħha llum.

Fost il-kwistjonijiet li tqajmu kien hemm ukoll il-ħtieġa li l-gruppi taż-żgħażagħ ikunu aktar inklużivi.

Bernadette Fenech, mill-Malta Catholic Youth Network, spjegat kif waqt it-tħejjijiet għall-konferenza annwali Plexusħarġet ix-xewqa għal aktar taħriġ dwar kif għandhom jintlaqgħu żgħażagħ newrodiverġenti, b’mod partikolari dawk bl-awtiżmu.

Appell għal aktar kollaborazzjoni bejn il-parroċċi

Waqt l-Assemblea ġie ppreżentat ukoll rendikont tal-ħidma tal-Knisja matul din is-sena, bħala parti mill-Pjan Pastorali bit-tema Il-Knisja f’Malta llum: Komunjoni, Parteċipazzjoni, Missjoni.

Waħda mill-prijoritajiet identifikati kienet il-ħtieġa ta’ aktar kollaborazzjoni bejn il-parroċċi u l-entitajiet differenti tal-Knisja.

Il-Kappillan tal-Imġarr, Dun Sean Abela, tkellem dwar inizjattiva li matul ir-Randan li għadda laqqgħet ħames parroċċi biex jorganizzaw eżerċizzi spiritwali għaż-żgħażagħ.

Huwa spjega kif il-kollaborazzjoni għenet biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żgħażagħ u s-saċerdoti, filwaqt li ppermettiet li r-riżorsi u t-talenti tal-parroċċi jintużaw flimkien.

Matul l-Assemblea, Mark Cachia tkellem ukoll dwar il-ħidma tal-Kummissjoni Interdjoċesana għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali tal-Bniedem, li qed tikkollabora ma’ entitajiet tal-Knisja u organizzazzjonijiet mhux governattivi biex twassal it-tagħlim soċjali tal-Knisja fis-soċjetà.

Min-naħa tiegħu, Dun Sinclair Bugeja ta rendikont tal-ewwel erba’ snin ta’ ħidma tal-Malta Bible Foundation, li qed taħdem biex tagħmel il-Bibbja aktar aċċessibbli permezz ta’ pubblikazzjonijiet u riżorsi edukattivi.

“Għaliex qed nagħmlu dak li qed nagħmlu?”

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, fil-messaġġ tiegħu, fakkar li l-Knisja ma teżistix għaliha nfisha, iżda biex tkun ta’ servizz għall-oħrajn.

Fid-dawl tal-istedina tal-Papa Ljun XIV, huwa ħeġġeġ lil dawk involuti fil-ħidma pastorali biex jirriflettu dwar l-għan wara l-attivitajiet tagħhom.

“Għaliex qed nagħmlu dak li qed nagħmlu?” staqsa l-Isqof, filwaqt li saħaq fuq il-ħtieġa li l-missjoni tal-Knisja tibqa’ fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni.

L-Assemblea kompliet b’diskussjonijiet dwar l-integrazzjoni tal-barranin fil-komunitajiet Maltin, il-familja, il-formazzjoni kontinwa u l-parteċipazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ.

Fost dawk li ħadu sehem fid-diskussjonijiet kien hemm Monsinjur André Zaffarese, Dun Jesmond Schembri u Jackie Mallia.

L-Assemblea, li saret fuq jumejn, inkludiet ukoll mumenti ta’ talb u riflessjoni, bil-għan li dawk preżenti jevalwaw kif jistgħu jkomplu jikkontribwixxu għall-ħidma tal-Knisja fis-soċjetà Maltija.

 

More in Kronaka