Il-Ministeru tal-Edukazzjoni ċaħad allegazzjonijiet li ngħatat xi ordni biex jitneħħew is-slaleb mill-iskejjel Maltin, wara li fl-aħħar jiem bdew jiċċirkolaw diversi kitbiet fuq il-midja soċjali dwar dan.
Fi tweġiba għal mistoqsijiet li sarulu minn din il-kamra tal-aħbarijiet, il-Ministeru sostna li dawn l-allegazzjonijiet huma foloz u insista li s-slaleb għadhom f’posthom fl-iskejjel.
“L-allegazzjonijiet li ngħatat xi ordni biex jitneħħew is-slaleb mill-iskejjel huma foloz. Is-slaleb għadhom f’posthom, u t-tfal ikantaw u se jkomplu jkantaw l-Innu Malti kuljum,” qal il-Ministeru.
Din ir-reazzjoni waslet fost diskussjoni fuq il-midja soċjali, fejn tqajmu mistoqsijiet dwar il-preżenza ta’ simboli reliġjużi fl-iskejjel u dwar il-prattiki marbuta mal-identità Maltija.
Il-Ministeru saħaq li kemm is-slaleb kif ukoll il-kant tal-Innu Malti huma meqjusa bħala elementi importanti mill-identità u l-kultura tal-pajjiż.
“Il-Ministeru jqis dawn l-elementi bħala parti integrali mill-identità u l-kultura Maltija, u jemmen li għandhom jibqgħu jkunu parti mill-ħajja skolastika,” kompla jgħid.
Il-Ministeru temm billi stieden lil kull min għandu dubji dwar dawn l-allegazzjonijiet biex imur jara s-sitwazzjoni b’għajnejh.
“Il-Ministeru jilqa’ lil kull min jixtieq jara dan b’għajnejh,” sostna.