Id-domandi tal-UMASA “esaġerati” skont il-ministeru

Azzjonijiet industrijali se jżommu lura l-marki tal-istudenti universitarji 

Aktar kmieni dan il-ġimgħa, il-Kunsill Studenti Universitarji ħabbru li l-UMASA, l-union tal-istaff universitarju, se jkunu qed jieħdu azzjonijiet industrijali hekk kif għadu ma ntlaħaqx ftehim kollettiv. Wara, organizzazzjoni studenteska oħra tkellmet mal-Ministeru għall-Edukazzjoni li qalilhom li t-talbiet tal-UMASA kienu “esaġerati”. 

Il-KSU ħa azzjoni diretta u ltaqa’ mal-Ministeru għall-Edukazzjoni. Huma tkellmu fuq id-direttivi li se jieħdu l-UMASA u dwar il-fatt li l-marki tal-eżamijiet se jittardjaw. Il-Kunsill enfasizza li kwalunkwe żieda fil-paga tal-letturi għandha ssir flimkien ma’ żieda proporzjonali fi nfiq mill-gvern sabiex ma jkunx hemm iżjed pressjoni fuq ir-riżorsi tal-Università. 

Il-Ministru Clifton Grima qal li intervjena hu personalment sabiex jitħaffef il-proċess. Hu qal ukoll li nhar il-Ġimgħa seħħet laqgħa bejn il-partijiet kollha sabiex jippruvaw isibu offerta aċċettabbli għall-partijiet kollha.  

Il-KSU qal li lest jagħti seba’ ġimgħat ċans sabiex tinstab soluzzjoni bejn il-partijiet. Jekk ma tinstabx soluzzjoni sa dak iż-żmien, il-Kunsill lest li jieħu azzjonijiet legali. 

L-azzjonijiet industrijali li qed jittieħdu mill-UMASA huma li l-eżamijiet u t-teżijiet se jiġu kkoreġuti imma l-marki finali mhux se jingħataw lill-amministrazzjoni u effettivament lanqas jaslu għand l-istudenti. Qalu wkoll li ma jattendux laqgħat amministrattivi sakemm dawn il-laqgħat m’għandhomx x’jaqsmu ma’ riċerka, promotions, ma’ studenti jew taħriġ. 

 

More in Kronaka