Il-mexxejja Ewropej jaqblu dwar l-għotja ta’ €90 biljun f’self lill-Ukrajna

Malta sodisfatta bi qbil dwar self ta’ €90 biljun lill-Ukrajna li ma jużax l-assi Russi. Il-mexxejja Ewropej fi Brussel jaqblu dwar mezz alternattiv ta’ finanzjament lill-Ukrajna

 

Fi stqarrija hekk kif ġie konkluż summit fis-sigħat bikrin tal-ġimgħa filgħodu bejn il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea, il-gvern Malti qal li huwa żamm mal-pożizzjoni tiegħu favur ‘’l-appoġġ politiku u finanzjarju’’ lill-Ukrajna li ‘’hija konformi mal-liġi internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea.’’

L-istqarrija kkwotat lill-Prim Ministru Robert Abela jgħid: ‘’pajjiżna dejjem kien ċar u konsistenti fl-appoġġ tiegħu lill-Ukrajna permezz ta’ mezzi li huma konformi mal-liġi internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea, u li jirrispettaw in-newtralita’ minquxa fil-kostituzzjoni tal-pajjiż.’’

Abela żied illi huwa sodisfatt bil-ftehim li ntlaħaq, illi rrispetta l-prinċipji mħaddnin minn Malta.

Malta kienet fost l-istati membri li opponew l-għotja ta’ lown li jutilizza l-assi Russi, b’sorsi familjari mat-taħdidiet jgħidu lil din il-gazzetta li l-garanzija li l-pajjiż se jkun mistenni sabiex jipprovdi skont dak l-arranġament kien ikun ta’ madwar €170 miljun.

Malta, flimkien ma’ għadd ta’ stati membri oħra, pproponew lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex ikomplu jeżaminaw u jikkunsidraw mezzi alternattivi li huma konformi mal-liġi internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea filwaqt li jindirizzaw il-ħtiġijiet finanzjarji tal-Ukrajna.

Il-mexxejja qablu li se jsellfu €90 biljun lill-Ukrajna għas-sentejn li ġejjin. Is-self ipprovdut lill-Ukrajna se jingħata mingħajr ebda interessi u se jitħallas minn Kjiv bl-użu ta’ reparazzjonijiet minn Moska. M’hemm l-ebda garanzija li r-Russja qatt se tipprovdi reparazzjonijiet għall-invażjoni tagħha u huwa probabbli li dan is-self se jitqies bħala grant fil-ġejjieni.

Madanakollu, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea naqsu milli jaqblu fuq jekk għandhomx jintużaw assi Russi sabiex jiġi ffinanzjat lown ta’ 90 biljun lill-Ukrajna sabiex jittaffa l-piż finanzjarju fuq l-istati membri.

In-nuqqas ta’ qbil fl-Unjoni Ewropea rigward l-użu tal-assi ffriżati Russi sabiex jiġi ffinanjzat ir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna qiegħed jitqies bħala daqqa ta’ ħarta għall-Kanċillier Ġermaniż Friedrich Merz u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen li ppreżentaw il-pjan bħala l-iżjed għażla pragmatika għall-blok. Qabel is-summit, il-mexxejja ssuġġerew illi m’hemm l-ebda alternattiva ħlief li jintużaw l-assi ffriżati tal-Bank Ċentrali Russu sabiex jiġu ffinanzjati r-reparazzjonijiet blill-Ukrajna.

Iżda l-Belġju baqgħet tinsisti jinkisbu garanzji bla limitu qabel ma jiġu utilizzati l-assi Russi, billi l-maġġoranza ta’ dawn l-assi huma opsitati fil-Belġju.

Wara s-summit, li ntemm fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu wara dawk li ġew deskritti bħala negozjati iebsa, von der Leyen, akkumpanjata mill-Prim Ministru Daniż Mette Frederisken, qalet illi l-għan ewlieni  li tiġi ffinanzjata l-Ukrajna kien intlaħaq.

‘’Fuq kollox, wara llum, l-appoġġ tagħna lill-Ukrajna huwa garantit,’’ qal Frederiksen lill-ġurnalisti.

L-istati membri tal-Unjoni Ewropea se jsellfu finanzjamet mis-swieq finanzjarji u se jħallsu l-interess fuqu. Dan il-pjan ġie mbuttat mill-Ungerija, iċ-Ċekja u l-Islovakkja, minkejja li dawn il-pajjiżi kienu diġa’ kisbu deroga sabiex ma jipparteċipawx fl-iskema ta’ finanzjament.

Victor Orban tal-Ungerija, illi huwa kritiku magħruf tal-appoġġ tal-Unjoni Ewropea lill-Ukrajna, qal lill-ġurnalisti wara s-summit li ‘’minkejja li ġie ppreżentat bħala self, mhumiex se jkun possibbli għall-Ukrajna sabiex tirrifondu l-flus.’’

‘’Huwa bażikament telf ta’ flus. U dawk illi mbuttaw dan is-self se jkollhom jġorru r-responsabbilita’ u l-konsegwenzi finanzjarji li se jġib miegħu,’’ kompla jgħid.

Mexxejja fosthom Merz, il-President Franċiż Emmanuel Macron u l-President tal-Kunsill Ewropew Antonio Costa qalu li s-self huwa l-iżjed mod rapidu u effiċjenti sabiex l-Ukrajna tibqa’ tingħata l-għajnuna finanzjarji li teħtieġ fi żmien tant kritiku għall-pajjiż.

More in Kronaka