L-MISA mħassba hekk kif bastiment ieħor irreġistrat f'Malta ntlaqat fl-Istrett ta’ Hormuz

Hekk kif tliet bastimenti rreġistrati taħt il-bandiera Maltija sfaw attakkati fl-Istrett ta' Hormuz, il-Malta International Shipowners’ Association (MISA) enfasizzat li l-bastimenti merkantili għandhom ikunu protetti minn attakki meta jwettqu servizzi essenzjali

Ritratt: File photo.
Ritratt: File photo.

Il-Malta International Shipowners’ Association (MISA) esprimiet it-tħassib tagħha wara attakk mill-ajru fuq l-M/V San Antonio, bastiment tal-kontejners li huwa rreġisrat f'Malta.

Il-bastiment kien fil-mira waqt li kien għaddej mill-Istrett ta’ Hormuz fl-ibħra territorjali tal-Oman. Dan huwa t-tielet attakk fuq bastiment irreġsitrat f'Malta matul dawn l-aħħar ftit ġimgħat. L-MISA kkundannat l-attakk, u insistiet li l-bastimenti kummerċjali qatt m’għandhom ikunu l-miri ta’ attakki bħal dawn.

L-attakk irriżulta fi ġrieħi għall-membri tal-ekwipaġġ, li sussegwentement ġew evakwati u kkurati bl-għajnuna tal-awtoritajiet Omani. L-MISA esprimiet il-gratitudni tagħha għall-intervent filwaqt li fakkret lill-komunità internazzjonali li l-baħħara huma persuni ċivili li jwettqu servizzi essenzjali u li għandhom jiġu protetti.

L-MISA qalet li billi dawn l-attakki huma mmirati lejn bastimenti merkantili, dawn mhux biss qegħdin jheddu s-sigurta' marittima iżda qegħdin jheddu wkoll is-sigurta' tal-enerġija globali. L-assoċjazzjoni qiegħda titlob tmiem immedjat għall-vjolenza kontra bastimenti merkantili.

L-assoċjazzjoni qalet li qiegħda taħdem mal-gvern Malti u korpi internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) sabiex timbotta għal koordinazzjoni internazzjonali aħjar.

L-MISA temmet tgħid li hija se tkompli bil-kooperazzjoni u l-involviment tagħha mal-partiti marittimi li għandhom interess f'din is-sitwazzjoni sabiex tipprijoritizza l-benesseri tal-baħħara u s-sigurtà reġjonali.

Huwa maħsub li iżjed minn 10,000 basiment huwa irreġistrat taħt il-bandiera Maltija, li jikkostitwixxi fis-seba' l-ikbar ammont ta' vapuri rreġistrati globalment taħt il-bandiera ta' konvenzjenza ta' pajjiż. Malta tinsab fis-seba' post, u tinsab biss wara l-Panama, il-Liberja, il-Gżejjer Marxall, Ħong Kong, Singapor u ċ-Ċina.

More in Kronaka