Żewġt irġiel mistennija li jitressqu l-qorti iktar tard illum, fejn se jiġu mixlija b'allegat traffikar tad-droga li nstabet fil-pussess tagħhom.
Iż-żewġ irġiel ġew arrestati waqt ronda ta' rutina li saret nhar il-Ħamis fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan. Waqt ir-ronda, il-pulizija innutaw żewġt irġiel suspettużi ġo vettura li ġew imwaqqfa minnufih.
Minn tfittxija li saret, fuq wieħed minnhom instabu 6 qratas b’sustanza suspettata kokaina. Ir-raġel li għandu 34 sena u li huwa residenti Ħal Tarxien, ġie arrestat fuq il-post.
Fl-istess triq ilbieraħ, waqt li l-pulizija reġgħu kienu fuq ronda, ġew infurmati minn xi persuni b’allegat traffikar ta’ droga f’bar fl-istess triq.
Hekk kif il-pulizija daħlu fil-bar, ġew innutati żewġt irġiel li qajmu suspett.
Waqt tfittxija fuq wieħed minnhom instabu 3 qratas b’sustanza suspettata kokaina u 9 qratas b’sustanza suspettata kannabis. Ir-raġel, Somalu ta’ 36 sena ġie wkoll arrestat fuq il-post.
Iż-żewġt irġiel mistennija jitressqu l-qorti għall-ħabta ta’ nofsinhar quddiem il-Maġistrat Nadia Helen Vella.