L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) kompla jikber b’pass mgħaġġel fl-2024, u laħaq rekord ġdid ta’ 8.9 miljun passiġġier, żieda ta’ 8.9% meta mqabbel mal-2023. Din iż-żieda hija riżultat ta’ investimenti kontinwi fl-infrastruttura tal-ajruport, aktar rotot diretti lejn u minn Malta, u domanda akbar għall-ivvjaġġar lejn il-gżira.
L-Italja, ir-Renju Unit u l-Ġermanja kienu l-aktar pajjiżi b’saħħithom, b’aktar minn 51% tas-sehem totali tas-suq tal-passiġġieri. B’aktar titjiriet minn bliet ewlenin Ewropej u l-popolarità ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika u tan-negozju, l-ajruport qed jara influss kontinwu ta’ passiġġieri minn madwar id-dinja.
It-Turiżmu Taljan jibqa’ l-aktar b’saħħtu
L-Italja baqgħet l-akbar suq għal Malta, bi 23% tas-sehem tas-suq u aktar minn żewġ miljun passiġġier Taljan li waslu fil-gżira matul l-2024.
Dan huwa dovut għal diversi fatturi fosthom, it-titjiriet diretti frekwenti minn bliet bħal Ruma, Milan, Napli, u Catania, li jagħmlu l-ivvjaġġar bejn iż-żewġ pajjiżi konvenjenti; ir-rabtiet kulturali u storiċi bejn Malta u l-Italja, li jkomplu jattiraw viżitaturi Taljani għal btala qasira jew anke għal xogħol; kif ukoll il-fatt li Malta hija destinazzjoni popolari fost l-istudenti Taljani, speċjalment dawk li jattendu korsijiet tal-Ingliż jew jingħaqdu ma’ universitajiet Maltin.
B’hekk, l-Italja tibqa’ kruċjali għas-settur turistiku Malti.
Ir-Renju Unit
Ir-Renju Unit baqa’ wieħed mis-swieq ewlenin għal Malta, bi 19% tas-sehem tas-suq u titjiriet regolari minn Londra, Manchester, Birmingham u bliet oħra.
Għalkemm Brexit ġab xi sfidi għall-ivvjaġġar, ir-rabtiet b’saħħithom bejn Malta u r-Renju Unit baqgħu vitali minħabba diversi raġunijiet, bħal, Malta hija destinazzjoni popolari għall-irtirar, b’ħafna Brittaniċi jiġu jgħixu hawn minħabba t-temp favorevoli u l-livell ta’ għejxien.
Is-Suq Ġermaniż u Franċiż jibqa’ jikber
Is-suq Ġermaniż kellu żieda sinifikanti, u laħaq 9% tas-sehem tas-suq. Dan minħabba t-titjiriet diretti minn bliet bħal Frankfurt, Munich u Berlin.
Min-naħa l-oħra, Franza baqgħet destinazzjoni ewlenija għall-Maltin u bil-kontra, b’7% tas-sehem tas-suq. Titjiriet diretti minn Pariġi u bliet oħra baqgħu jattiraw aktar passiġġieri lejn il-gżira.
Tkabbir fis-Swieq tal-Polonja, ta’ Spanja, u oħrajn
Minbarra s-swieq tradizzjonali, xi pajjiżi oħra komplew jespandu l-preżenza tagħhom f’Malta fosthom il-Polonja, Spanja, il-Greċja, il-Belġju u l-Iżvizzera.
F’termini ta’ linji tal-ajru, Ryanair baqgħet l-aktar linja popolari, iġġorr 4.48 miljun passiġġier, segwita minn Air Malta/KM Malta Airlines b’1.89 miljun passiġġier, u EasyJet b’460,389 passiġġier. Linji oħra li kellhom prestazzjoni tajba kienu Wizz Air, Lufthansa, u Jet2.
L-ajruport ukoll laħaq rata ta’ okkupanza medja ta’ 86% fuq it-titjiriet kollha, indikazzjoni li d-domanda għall-ivvjaġġar lejn u minn Malta baqgħet b’saħħitha matul is-sena kollha.
Minħabba r-riżultati b’saħħithom, il-Bord tad-Diretturi approva ħlas ta’ dividend finali ta’ €0.12 għal kull sehem, li jammonta għal total ta’ €8.16-il miljun f’dividendi lill-azzjonisti. B’kollox, il-ħlas totali tad-dividendi għall-2024 jammonta għal €0.1846 għal kull sehem.
Il-Kumpanija se torganizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tagħha fl-14 ta’ Mejju 2025, fejn se jiġu diskussi r-riżultati finanzjarji u l-pjanijiet għall-futur.