Malta u l-Italja l-uniċi żewġ pajjiżi fl-UE fejn ma żdiditx id-dipendenza fuq is-settur pubbliku fejn jidħlu impjiegi

Minħabba popolazzjoni li qiegħda tixjieħ, it-tendenza madwar id-dinja żviluppata hija li jiżdiedu ħafna l-impjiegi fis-settur tas-saħħa u l-kura għall-anzjani, li huma finanzjati mis-settur pubbliku

Il-fondazzjoni ta’ riċerka tal-Unjoni Ewropea, il-Eurofound, fir-rapport annwali tagħha fuq il-qasam tal-impjiegi għall-2023, innotat kif kien biss f’Malta u fl-Italja li bejn l-2008 u l-2023 ma żdiditx id-dipendenza fuq is-settur pubbliku fejn jidħlu impjiegi. Dan hekk kif madwar l-Unjoni, id-dipendenza fuq is-settur pubbliku telgħet minn 22.9% fl-2008 għal 25.8% is-sena li għaddiet.  

Fil-fatt, kien innutat li s-settur pubbliku kien dak li l-aktar iġġenera impjiegi madwar l-Unjoni f’dan il-perjodu. Waqt li fl-2008, pajjiżna kellu rata ta’ dipendenza fuq is-settur pubbliku li kienet aktar mill-medja Ewropea, issa huwa taħt il-medja. Dan hekk kif pajjiżi li fl-2008 kellhom rata ta’ impjiegi fis-settur pubbliku anqas minn dik f’pajjiżna, fosthom l-Awstrija, il-Portugall, l-Irlanda u l-Ġermanja, spiċċaw l-2023 b’rata akbar. 

Minħabba popolazzjoni li qiegħda tixjieħ, it-tendenza madwar id-dinja żviluppata hija li jiżdiedu ħafna l-impjiegi fis-settur tas-saħħa u l-kura għall-anzjani, li huma finanzjati mis-settur pubbliku. F’pajjiżna, minkejja żieda qawwija fl-impjiegi f’dawn is-setturi, żieda fl-impjiegi f’diversi setturi oħra għamlet tajjeb għal dan. 

Żvilupp ieħor interessanti li joħroġ mir-rapport indipendenti tal-Eurofound huwa li l-maġġoranza taż-żieda fl-impjiegi f’pajjiżna kienet f’impjiegi ta’ kwalità. Fil-fatt, il-Eurofound jindikaw li l-impjiegi ta’ dawk li jaqilgħu l-paga medja żdiedu b’madwar 20,000 bejn l-2011 u l-2023. Meta wieħed iħares lejn dawk li jaqilgħu ferm aktar mill-paga medja, skont il-Eurofound kien hemm żieda ta’ kważi 65,000 kontra żieda ta’ madwar 40,000 f’dawk li jaqilgħu anqas mill-paga medja. Dan ifisser li ż-żieda fl-ammont ta’ ħaddiema li jaqilgħu l-paga medja u aktar kienet ferm aktar minn darbtejn iż-żieda ta’ dawk li jaqilgħu taħt il-paga medja. Dan filwaqt li l-paga medja żdiedet konsiderevolment fl-istess perjodu. 

 

More in Kronaka