Il-Kelliem għall-Enerġija tal-Partit Nazzjonalista Ryan Callus ċanfar l-aġir tal-Partit Laburista li wara snin twal ta’ attakki lill-Partit Nazzjonalista dwar il-maħfra li kienet ingħatat lil George Farrugia, issa “taw tender ta’ €37 miljun lill-kumpanija li l-konsulent tagħha huwa l-istess George Farrugia.”
Farrugia kien il-persuna li ħadem biex l-Enemalta tixtri żejt minn ċerti kumpaniji barranin. Kienet il-gazzetta oħt tal-MaltaToday li kienet żvelat numru mdaqqas ta’ emails li kienu jindikaw prattiċi korrotti.
Fost in-nies li tressqu akkużati kien hemm Ċikku Portelli, is-sid ta’ Virtu Ferries u Tancred Tabone tal-kumpanija Forestals. Farrugia kien ingħata maħfra fuq il-kundizzjoni li jixhed kontra Tabone u Portelli. Dakinhar, il-Partit Laburista taħt Joseph Muscat, kien għamel plejtu kbir u prova jieħu vantaġġ biex ikisser il-kredibilità ta’ Lawrence Gonzi li dakinhar kien il-Prim Ministru Nazzjonalista.
“Issa l-Labour u Robert Abela taw tender ta’ €37 miljun lill-kumpanija li l-konsulent tagħha huwa l-istess George Farrugia biex jikru żewġ generators għal 47 ġurnata u ħaduna lura għad-diesel. Tal-Labour jgħidu mod fl-Oppożizzjoni u jagħmlu bil-kontra meta jkunu fil-Gvern,” temm jgħid Callus.
Il-kumpanija Enemalta ddeċidiet fid-dawl tal-kriżi tas-sajf li għadda fil-provista tad-dawl biex tara kif ikun hemm power station temporanja; liema power station taħdem bid-diesel. Il-kumpanija Bonnici brothers, li tidher li qed tkun aggressiva ħafna u qed tissielet għal tenders kbar, rebħet dan it-tender.
Ironikament, fil-Parlament, il-Ministru Dalli kellha kliem aħrax fil-konfront tal-iskandlu taż-żejt u enfasizzat fuq in-nuqqas li tinġarr responsabbiltà. “Kif jista’ l-PN jitkellem dwar li jkun ta’ eżempju meta fiż-żmien li kien fil-Gvern kien hemm każijiet ta’ frodi li jiswew $300 miljun u ħadd ma jerfa’ responsabbiltà politika? … meta jkollok xi ħadd li ġie msemmi f’każ ta’ ħasil tal-flus u f’daqqa waħda jieqfu l-investigazzjonijiet.”
Iżda ftit li xejn kienet taf Dalli li l-moħħ wara l-kisba ta’ dan it-tender għal Bonnici brothers kien il-protagonist ta’ wieħed mill-akbar skandli taż-żejt, George Farrugia. Għaxar snin ilu Farrugia kien ammetta li xaħħam uffiċjali tal-Enemalta bil-patt u l-kundizzjoni li jiksbu kuntratti ta’ żejt. Fil-fatt, Farrugia kien ingħata l-maħfra Presidenzjali bil-patt u l-kundizzjoni li jikxef.
Intant, meta staqsejna lil Miriam Dalli, Ministru għall-Enerġija, biex tikkummenta fuq ir-rappurtaġġ dwar George Farrugia u dan it-tender qalet hekk: “Dak li għedt fil-Parlament għadu jgħodd sal-lum, jibqa’ jgħodd u m’għandi l-ebda problema nirrepetih għax il-governanza tajba hija prinċipju li nemmen fih jgħaddi kemm jgħaddi żmien.
Issa, dwar dak li saqsejtni nagħmilha ċara li Enemalta plc m’għandha l-ebda involviment f’dak li jirrigwarda l-bini ta’ pompi tal-petrol.
L-Enemalta ilha m’għadhiex involuta fis-settur tal-fuel, u r-rwol tagħha huwa limitat għal dak ta’ distribution system operator u fornitur ta’ elettriku lill-konsumaturi fil-gżejjer Maltin.
Dwar proċessi tat-tender għandek tifhem li dan hu amministrat mill-Enemalta plc f’konformità mar-regolamenti applikabbli. La l-Ministeru u lanqas il-Ministru mhuma involuti f’dan il-proċess. Bħala Ministru mhuwiex ir-rwol tiegħi li nindaħal fl-għoti tat-tenders. Governanza tajba dak li tirrikjedi.
Infurmata li l-Enemalta għandha proċess ta’ due diligence li ssegwi u hemm anke kumitat tekniku li jagħmel l-evalwazzjoni skont kriterji stabbiliti li jaċċertaw li kwalunkwe offerta li tkun intgħażlet tkun konformi ma’ dak mitlub fit-tender.”