Medja ta' żewġ vetturi abbandunati miġbura mill-Pulizija kull xahar

 

Rigward vetturi abbandunati jew irmunkati f’każi ta’ Qrati u investigazzjonijiet, il-Pulizija ġabret total ta’ 717-il vettura minħabba ordnijiet tal-Qorti, bl-ogħla ammont ta’ vetturi jinġabru mil-lokalità ta’ Tas-Sliema 

31 vettura abbandunata nġabru mit-toroq madwar Malta u Għawdex matul l-2023 u sas-17 ta’ Jannar 2024 mill-Pulizija. 

Din l-informazzjoni ġiet żvelata waqt il-mistoqsijiet parlamentari tat-Tlieta, bil-Membru Parlamentari Graziella Attard Previ tistaqsi lill-Ministru responsabbli Byron Camilleri, “kemm inġabru vetturi mit-toroq madwar Malta u Għawdex matul is-sena 2023, maqsuma lokalità, lokalità? Jista' jgħid ukoll kemm baqa’ vetturi abbandunati, imkissra fit-toroq li għalkemm ġew irrappurtati, għadhom ma nġabrux? 

Mill-informazzjoni provduta ġie żvelat li mit-total ta’ 31 vettura abbandunata, fil-lokalità ta’ Ħaż-Żebbuġ ġew miġburin l-iktar ammont ta’ vetturi; disa’ vetturi. Wara Ħaż-Żebbuġ, issegwi l-Belt Valletta fejn inġabru biss tliet vetturi mill-Pulizija fl-2023. 

Mill-banda l-oħra, il-lokalitajiet tal-Ħamrun, il-Marsa, tal-Pietà, Santa Venera, Paola, il-Fgura, Santa Luċija, Ħal Tarxien, Ħal Luqa, l-Isla, Ħaż-Żabbar, Marsaskala, il-Kalkara, ix-Xgħajra, iż-Żejtun, Birżebbuġa, Gudja, L-Imqabba, Ħal Kirkop, iż-Żurrieq, il-Qrendi, is-Siġġiewi, Tas-Sliema, il-Gżira, l-Imsida u Ta’ Xbiex ma nġabru l-ebda vetturi abbandunati mill-Pulizija matul l-2023 u Jannar 2024. 

Rigward vetturi abbandunati jew irmunkati f’każi ta’ Qrati u investigazzjonijiet, il-Pulizija ġabret total ta’ 717-il vettura, bl-ogħla ammont ta’ vetturi jinġabru mil-lokalità ta’ Tas-Sliema (53). L-ammont ta’ vetturi li ġew irmunkati minħabba permessi kienu 1,663 li nġabru mit-taqsima tal-LESA. Tas-Sliema (220), San Pawl il-Baħar (122) u San Ġiljan (122). 

Minkejja li l-ewwel mistoqsija ġiet imwieġba permezz tad-dokument li ġie mqiegħed fuq il-mejda tal-kamra, ma saret ebda referenza għall-ammont ta’ vetturi abbandunati li fadal fit-toroq, li għalkemm ġew irrappurtati, għadhom ma nġabrux. 

Barra minn hekk, il-gazzetta ILLUM kienet irrappurtat fuq in-nuqqas ta’ spazju li TM għandha biex tissekwestra l-vetturi. Sa mill-bidu tas-sena, 535 vetturi ġew issekwestrati.  

Barra minn hekk Transport Malta ma tistax tirmonka karrijiet ipparkjati illegalment għax m’għandhiex spazju fejn tagħmilhom. 

Il-vetturi abbandunati li qed jitħallew fit-toroq mhux biss qed ikunu ta’ inkonvenjenza għas-sewwieqa li diġà qed isibuha sfida biex jipparkjaw, iżda possibilment qed jikkawżaw ħsara ambjentali, speċjalment vetturi fi stat ħażin u dawk li jitħallew fil-widien madwar Malta u Għawdex. 

More in Kronaka