Luciano Busuttil: 'L-awtorità se tikkombatti d-doping u l-manipulazzjoni fl-isport'

Il-ġurnalist Luigi Sghendo tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-integrità tal-isport Malti (AIMS) Luciano Busuttil fejn semma l-ħidma tal-Awtorità tal-Integrità għall-Isport Malti 

Luciano Busuttil - AIMS
Luciano Busuttil - AIMS

Kif inħolqot din l-awtorità u x’inhuma r-responsabbiltajiet tagħha? 

Il-ħolqien ta’ dan il-korp regolatorju kien ġie fformat permezz ta’ Bord Konsultattiv dwar l-Integrità Sportiva li jikkonsisti minn stakeholders ewlenin fil-qasam tal-integrità sportiva f’Malta. Dawn inkludew il-Gvern, l-Oppożizzjoni, il-Kumitat Olimpiku Malti (MOC), SportMalta, il-Kummissjoni Nazzjonali Kontra d-Doping (NADO Malta), il-Malta Football Association (MFA), is-sottokumitat iddedikat għall-korruzzjoni fl-isport, l-Awtorità Maltija tal-Logħob (MGA) u l-Pulizija. Finalment, il-Bord ħa nota kemm tal-istrutturi nazzjonali ta’ governanza tal-isports kif ukoll tal-impenji internazzjonali ta’ Malta. 

L-Awtorità ġiet stabbilita f’Lulju tal-2021 fejn ingħatat firxa wiesgħa ta’ funzjonijiet fosthom ir-responsabbiltajiet ta’ doping control f’dik li kienet NADOMALTA. Kull test tad-doping issa qed isir mill-AIMS u l-proċess kollu huwa responsabbiltà tal-AIMS. L-AIMS trid tara li nkunu konformi mal-WADA li hija l-agenzija mondjali tal-antidoping. Busuttil saħaq li dan huwa xogħol importanti għax minnu jiddependi l-isport nazzjonali kollu. 

L-AIMS għandha wkoll responsabbiltà li tikkordina l-ħidma relatata mal-ġlieda kontra l-manipulazzjoni fl-isport u l-korruzzjoni li jista’ jwassal għal imħatri li jsiru fuq logħob li jkunu miftiehma. “Din hija responsabbiltà li se tpoġġi lil Malta fuq il-mappa Ewropea” saħaq Busuttil, filwaqt li spjega kif l-awtorità se tkun qed taħdem spalla ma’ spalla bejn l-MGA, Pulizija, MFA, Kumitat Olimpiku Malti u rappreżentanti mill-Ministeri tal-Isport u tal-Intern. Barra minn hekk din se tnaqqas il-pressjoni tal-Kunsill tal-Ewropa minħabba l-konvenzjoni macolin. Il-konvenzjoni macolin hija strument legali u l-unika regola tad-dritt internazzjonali dwar il-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi. Waqt il-konvenzjoni ġiet diskussa kif l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jikkoperaw ma’ organizzazzjonijiet sportivi, operaturi tal-imħatri u organizzaturi ta’ kompetizzjonijiet biex jipprevenu, jidentifikaw u jissanzjonaw il-manipulazzjoni ta’ kompetizzjonijiet sportivi.  

Busuttill qal kif pilastru ieħor tal-AIMS hija l-edukazzjoni u jemmen li hija ċ-ċavetta li biha niġġieldu l-abbuż fl-isport. L-AIMS se tkun qed tiffoka sew fuq l-edukazzjoni sabiex nifirxu t-tagħlim tal-integrità mal-pajjiż kollu.   

Fl-aħħar u mhux l-inqas l-awtorità se tkun qed tieħu ħsieb ir-reġistrazzjoni u l-konformità tal-klabbs kollha f’Malta. 

X’tip ta’ testijiet se jittieħdu mill-awtorità u għalfejn huwa importanti li jittieħdu t-testijiet tal-atleti?  

Busuttil beda billi spjega kif l-Awtorità tagħmel testijiet tad-doping li qed jiżdiedu kull sena. Apparti dan, Busuttil qal li żdiedu wkoll id-Doping Control Officers li ngħataw korsijiet grazzi għal ftehimiet li saru man-NADO tal-Iżvezja u l-Isport Integrity Australia, li hija meqjusa bħala waħda mill-aqwa awtoritajiet dwar l-integrità fid-dinja. 

Rigward it-tip ta’ testijiet li saru, Busuttil semma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-żgħar. Apparti d-doping control, ġie introdott metodu ġdid bħala proġett pilota biex isir ittestjar bis-sistema ta’ Dry blood Sampling. B’differenza mill-metodi ta’ ġbir ta’ kampjuni tal-awrina u tad-demm konvenzjonali li huma intrużivi, DBS jeħtieġ biss ftit qtar ta’ demm, miġbura minn suba’ jew mid-driegħ. Imbagħad, id-demm jiġi applikat fuq materjal speċjali assorbenti fejn wara tiġi ssiġillata u mibgħuta lil laboratorju akkreditat mill-WADA għall-ittestjar. 

Apparti dan, l-awtorità qed tipproponi wkoll proġett iffinanzjat mill-Fondi Ewropej sabiex ikunu ttestjati atleti permezz ta’ monitoraġġ tal-qalb, mhux għal raġunijiet ta’ doping iżda biex wieħed jara jekk persuna hijiex idonea li tagħmel attività agonistika.  

Busuttil fakkar kif dawn it-testijiet huma mandatorji f’pajjiżi bħall-Italja u jistgħu jevitaw li plejer isib ruħu f’xifer il-mewt. Huwa fakkar il-każ ta’ Christian Eriksen, plejer Daniż li safa’ vittma ta’ attakk tal-qalb. “Ovvjament hemm spiża sabiex isiru u nifhmu li ħafna klabbs ma jifilħux għaliha” qal Busuttil, iżda jemmen li dan il-proġett jista’ jixpruna l-pjan biex niddakkru lokalment u għalhekk ikun ta’ għajnuna kbira lill-klabbs u lill-atleti. 

Temmen li f’Malta hawn problema ta’ korruzzjoni fil-qasam tal-isport? 

“Il-verità hija li din it-tip ta’ kriminalità tinsab kullimkien” stqarr Busuttil. Mistoqsi għar-reazzjoni tiegħu fuq il-kummenti ta’ David Agius fejn implika li r-rebbieħ tal-Kampjonat Premier kien magħruf, Busuttil saħaq li jekk Agius jaf b’xi ħaġa għandu minnufih jagħmel rapport mal-Pulizija.  

L-Awtorità qed timbotta biex isiru tibdiliet fil-liġi biex finalment tissaħħaħ l-anonimità u l-protezzjoni tal-atleti li jkunu konxji tal-korruzzjoni fl-isport. Huwa fakkar kif preżentement, l-anonimità mhix garanzija għal kull min jikxef il-korruzzjoni fl-isport u għalhekk l-AIMS se tisħaq li tiġi pprovduta l-anonimità f’dawn it-tip ta’ każijiet. 

L-Awtorità meta mistennija tibda testendi s-servizzi tagħha? 

Busuttil qal li l-awtorità bħalissa diġà qed taħdem u topera fuq diversi setturi tar-responsabbiltajiet tagħha. Finalment, Busuttil spjega kif apparti doping u edukazzjoni u registrazzjonijiet tal-klabbs; l-Awtorità se tkun qed tagħti liċenzji lill-klabbs dwar l-operat tagħhom u liċenzji għal kull attività sportiva inklużi gyms. Magħhom se jkun hemm sett ta’ kriterji li min ma jsegwihomx, ma jkunx jista’ jopera għax ma jkollux liċenzja. Fil-futur, atleti se jkunu meħtieġa jirreġistraw mal-awtorità biex ikunu rikonoxxuti mill-Istat Malti u jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna mogħtija mill-Gvern. L-AIMS se tkun qed ittejjeb il-proċess ta’ reġistrazzjonijiet biex attwalment jinħoloq ambjent regolatorju b’saħħtu li bih pajjiżna jkun jista’ joħloq u jattira kwalità ta’ sport aqwa. 

Apparti minn hekk mistenni jinħoloq Tribunal ta’ Arbitraġġ biex kull min ikollu xi lment relatat mal-isport ikollu refuġju biex ifittex id-drittijiet tiegħu jew tagħha. Huwa ħa jkun immudellat fuq il-Court of Arbitration li se jikkonsisti minn arbitri li se jkunu professjonisti legali u idealment b’esperjenza fil-qasam tal-isport. Dan it-tribunal se jassigura li kull atleta li jgħaddi minn xi forma ta’ diskriminazzjoni jiġi stmat u protett. 

Fiż-żmien li ġej, l-Awtorità se tkun ukoll qed testendi l-operat tagħha biex tikkumbatti l-ħasil tal-flus fl-isport. Bħalissa l-isport huwa strument vulnerabbli ħafna għall-ħasil ta’ flus. 

More in Kronaka