Total ta’ 105,979 huma ħaddiema barranin, bl-Indja fuq quddiem bi 13,158 ħaddiem

L-akbar numru ta’ ħaddiema barranin huma Ażjatiċi, bl-Indja tkun fuq quddiem nett b’total ta’ 13,158 ħaddiem, segwita mill-Filippini b’9,560, u n-Nepal bi 8,157

Sa Lulju 2023, total ta’ 105,979 ħaddiem barrani jiffurmaw parti mill-forza tal-ħaddiema ta’ Malta. Minn din iċ-ċifra, 68,755 ġejjin minn pajjiżi terzi filwaqt li 37,244 ġejjin mill-UE.  

Mappa tad-dinja li turi minn fejn huma l-barranin li qed jaħdmu Malta
Mappa tad-dinja li turi minn fejn huma l-barranin li qed jaħdmu Malta

Din l-informazzjoni hija mogħtija skont informazzjoni maħruġa waqt seduta parlamentari fejn il-MP Laburista Naomi Cachia staqsiet lill-Ministru responsabbli Clyde Caruana li pprovda statistika rigward kemm hawn ħaddiema barranin jaħdmu Malta.  

L-akbar numru ta’ ħaddiema barranin huma Ażjatiċi, bl-Indja tkun fuq quddiem nett b’total ta’ 13,158 ħaddiem, segwita mill-Filippini b’9,560, u n-Nepal bi 8,157. Bl-inqas ħaddiema rreġistrati minn pajjiżi Ażjatiċi nsibu lill-Bahrain u l-Mongolja bi tlieta kull wieħed, il-Kuwajt, it-Taġikistan, u l-Jemen b’erbgħa, u l-Bhutan b’ħamsa..  

Mill-kontinent Afrikan, Malta laqgħet numru sinifikanti, bl-ogħla nazzjonalità tkun Libjana, b’total ta’ 1,001 ħaddiem. Wara l-Libja nsibu ħaddiema Niġerjani b’total ta’ 698, u ħaddiema Eġizzjani, b’total ta’ 672.  

Min-naħa l-oħra, il-Comoros, il-Djibouti, u l-Malawi huma tliet pajjiżi bl-inqas numru rreġistrat, b’wieħed u żewġ ħaddiema rispettivament. 

Rigward il-kontinent Ewropew, it-Taljani għandhom l-ogħla preżenza fil-pajjiż, b’total ta’ 11,566 ħaddiem. Il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja jsegwu mill-qrib b’1, 456 u 4,106 ħaddiem rispettivament. Il-Kosovo u l-Latvja jikkontribwixxu fuq skala iżgħar b’erba’ ħaddiema, u l-Pajjiżi l-Baxxi b’total ta’ 15-il persuna.  

Mill-kontinent tal-Amerika, 193 ħaddiem mill-Istati Uniti kien ġew irreġistrati f’pajjiżna flimkien ma’ 85 Messikan u 75 Kanadiż.  

Bl-inqas ammont ta’ ħaddiema jkunu ġejjin mill-Bahamas, il-Barbados, u Grenada b’mhux iktar minn persuna waħda. Filwaqt li l-Gwatemala, ir-Repubblika Dominikana, u Saint Kitts u Nevis jikkontribwixxu bi tliet ħaddiema kull wieħed. 

Bla dubju, l-inqas ammont ta’ ħaddiema ġejjin mill-kontinent tal-Oċeanja, bl-Awstralja, in-New Zealand, u l-Fiġi jikkontribwixxu 48, 11, u 3 ħaddiema rispettivament. Sadanittant, Vanuatu għandu żewġ ħaddiema.  

More in Kronaka