Id-diskors li l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat qed jikkonsidra joħroġ bħala kandidat għall-Parlament Ewropew ġab ewforija f’ċerti kwartieri tal-Labour imma rabja kbira mal-moderati. Minkejja li għaddejja inkjesta maġisterjali fil-konfront tiegħu u jista’ jkollha konsegwenzi serji għall-eks politiku minn Burmarrad li llum hu konsulent finanzjarju għal negozjanti kbar f’Malta u barra minn Malta.
Muscat, li kien Prim Ministru Laburista bejn l-2013 u l-2019, kellu jirriżenja ħesrem hekk kif sar magħruf kif nies madwaru kellhom rabtiet ċari mal-preżunt u allegat negozjant sid u kap eżekuttiv tal-grupp TUMAS Yorgen Fenech responsabbli mill-qtil tal-blogger kontroversjali Daphne Caruana Galizia.
Tant hu hekk li l-kap tas-segretarjat ta’ Muscat Keith Schembri rriżenja ftit ġranet qabel ir-riżenja ta’ Muscat stess. Schembri kien involut ukoll ma’ Fenech f’negozji u dan jidher li dan il-fatt kien magħruf sew minn Muscat. Schembri u l-Eks Ministru Konrad Mizzi kienu ssemmew fil-ftuħ ta’ kontijiet bankarji fil-Panama fl-2016, liema fatt ġie żvelat mill-bloger Daphne Caruana Galizia. Caruana Galizia nqatlet f’bomba ġol-karozza mikrija tagħha fis-16 ta’ Ottubru 2017.
Tul dan il-perjodu, Kastilja, kif ukoll Muscat stess, kienu jagħmlu minn kollox biex jixprunaw it-teorija li Caruana Galizia nqatlet minn dawk li kienu jimpurtaw żejt illegalment fuq l-ibħra internazzjonali.
L-aħbar li Muscat jista’ joħroġ għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew hija marbuta wkoll ma’ indikazzjonijiet u sinjali f’sondaġġi diversi inkluż dak tal-MaltaToday li jindika li ħafna Laburisti qed jgħidu li mhux se jivvutaw. Is-sondaġġ tal-MaltaToday jaqbel ukoll mas-sondaġġ ta’ Marmara, persuna kkunsidrat bħala viċin u fdata tal-Partit Laburista.
Il-wasla ta’ Muscat fix-xena politika tqajjem ħafna mistoqsijiet dwar il-persuna li għażel li jinjora l-episodji serji tal-ftuħ ta’ kontijiet bankarji ġol-Panama fl-istess żmien tal-ftehim mal-Vitals. Minkejja li kien jaf bil-ftehim ma’ frodisti barranin fl-akkwist tal-Vitals għall-isptarijiet tal-Istat, il-preżenza xorta se sservi biex issaħħaħ il-vot ta’ ċerti Laburisti tal-qalba.
Min-naħa l-oħra din l-aħbar isservi biex jitwarrbu l-moderati mil-Labour u dawk il-Laburisti li huma diżgustati bl-aġir ta’ Muscat.
Ironikament jekk il-Labour imur aħjar milli mistenni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew mill-Partit Nazzjonalista, jista’ jkun hemm mossa biex jitneħħa Bernard Grech minn Kap tal-PN, u dan ikun ifisser li l-PN ikun iktar f’ċans li jirbaħ l-elezzjoni ġenerali tal-2027. Iktar u iktar għax Robert Abela jkun inqas b’saħħtu u kredibbli fil-partit.
Hemm dawk fl-amministrazzjoni tal-Partit Laburista li huma inkwetati li l-mossa ta’ Muscat tista’ tfarrak dak kollu li akkwista Abela mal-faxxa moderata. U li l-mossa ta’ Muscat hija ripetizzjoni tal-approċċ ta’ politiċi bħal Trump u Berlusconi li użaw is-siġġu parlamentari biex ixejnu attakki fil-konfront tagħhom.