Investigazzjoni mill-Kamra tal-Periti rigward il-kollass tas-sit fejn qabel kien hemm il-binja ta’ Go Exchange f’Triq Psaila qed titfa’ l-ħtijja fuq il-kuntrattur: Polidano Bros Ltd.
Il-Kamra, li għamlet inkjesta interna sabiex issib jekk kienx hemm nuqqasijiet mill-periti involuti fil-proġett, saħqet li l-periti ma kienux taw instruzzjonijiet sabiex il-kuntrattur iwettaq ix-xogħlijiet bil-mod li jidher fil-filmati li nxterdu mill-midja.
Il-Kamra saħqed ukoll li ma sabet l-ebda kooperazzjoni mill-BCA fl-investigazzjoni tagħha.
Il-proġett kien jikkonsisti minn twaqqigħ tal-bini, u kostruzzjoni ta’ kumpless ta’ appartamenti minfloku.
Filmat lura fi Frar tal-2023 wera kif ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ wassal sabiex ġebel kbir jaqa’ għoli ta’ madwar tliet sulari għal fuq ilqugħ. Ix-xogħlijiet saru minn Excel Investments, kumpanija ta’ Joseph Portelli, filwaqt li Maria Schembri Grima kienet il-perita fuq il-proġett.
Schembri Grima rriżenjat mill-pożizzjoni tagħha bħala ċerperson tal-BCA; aġenzija inkarigata sabiex tissalvagwardja terzi persuni kif ukoll tassigura prattiċi ta’ xogħol siguri.
Il-Kamra żiedet li l-kuntrattur, Polidano Bros Ltd, ma mexiex mal-istruzzjonijiet tal-uffiċċjal tekniku tas-sit, li kienu ingħataw lura fid-9 ta’ Frar tal-2023, bi qbil mal-perit. Dawn kienu sabiex it-terrapien jitneħħa mis-sit sabiex ikun jista’ jintuża krejn għall-bqijja tax-xogħlijiet. Il-Kamra qed tisħaq li, minflok, il-kuntrattur kompla biex xogħlijiet tul tmiem il-ġimgħa kif ried hu.
“B’hekk, il-Kamra iddeterminat li l-investigazzjoni tagħha kontra l-periti involuti huma mitmuma, hekk kif ma nstab l-ebda nuqqas.”
Il-kuntrattur iwieġeb
Polidano Bros Ltd. daħħlet protest ġudizzjarju fil-konfront tal-pubblikazzjoni tal-Kamra, fejn allegaw li l-Kamra qatt ma talbithom għal informazzjoni.
Il-kumpanija saħqet li l-investigazzjoni tal-Kamra saret biss sabiex jitneħħa tort minn fuq "waħda minnhom." Għaldaqstant, qed iżomm lill-Kamra responsabbli għad-danni li ssofri l-kumpanija.