Il-Pulizija ssib sustanzi b'valur ta' €400,000 moħbijin f'vann li kien ġej minn Sqallija

Il-Pulizija spjegat li madwar seba' kilos kokaina u 100 gramma kannabis instabu ġewwa axle tar-roti ta' wara tal-vann li kien ġej minn Sqallija bil-katamaran

Raġel ta' 37 sena li jgħix il-Fgura ġie arrestat il-Ġimgħa filgħaxija b'rabta ma' traffikar u importazzjoni ta' madwar seba' kilos ta' sustanza suspettata kokaina u madwar 100 gramma kannabis. 

Ir-raġel huwa Malti u twaqqaf hekk kif kien ġej lura f'Malta bil-katamaran minn Sqallija. Huwa. ġie ordnat isuq il-vann tiegħu tal-għamla Ford Transit lejn il-garaxx tal-Pulizija, u wara tfittxija estensiva nstabu d-droga moħbijin ġewwa l-axle tar-roti ta' wara tal-vann.

Is-sustanzi għandhom valur ta' madwar €400,000. Ir-raġel bħalissa qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Victor Axiak ġie infurmat bis-sejba u ħatar inkjesta, filwaqt li l-operazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

Membri mid-Dipartiment tad-Dwana assistew lill-Pulizija waqt din l-operazzjoni.

More in Kronaka