L-Enemalta sewwiet 45 minn 64 ħsara, ikkawżata mill-mewġ ta' sħana

Ilbieraħ stess żviluppaw ħames ħsarat oħra fin-netwerk ta' vultaġġ għoli f'żoni differenti madwar Malta

It-timijiet tekniċi tal-Enemalta sewwew 45 ħsara, minn 64, li żviluppaw fuq is-sistema ta' distribuzzjoni ta' vultaġġ għoli, ikkawżat mill-mewġ ta' sħana li laqtet lil pajjiżna l-ġimgħa l-oħra. Mal-10,000 siegħa ta' xogħol ġiet iddedikata għall-proċessi delikati ta' tiswijiet ta' cables. 

Intant ilbieraħ filgħaxija t-timijiet tekniċi assistew ukoll biex jagħtu lura l-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi affettwati mill-aktar fis, hekk kif ilbieraħ, żviluppaw ħames ħsarat oħra fin-netwerk ta' vultaġġ għoli f'żoni differenti madwar Malta. Fil-maġġoranza ta' dawn il-każijiet, il-provvista setgħet tingħata lura minn rotot alternattivi, bil-maġġoranza taż-żoni affettwati jieħdu l-provvista lura f'temp ta' tliet sigħat. 

F'parti minn Ħad-Dingli, il-provvista ma' setgħetx tingħata lura qabel ma tlestew it-tiswijiet neċessarji fuq il-ħsarat li nqalgħu matul il-lejl. F’partijiet miż-Żejtun, fejn kien possibbli, il-provvista ngħatat lura minn standby power generating system. Il-provvista tal-elettriku lil parti lokalizzata minn din l-istess lokalità ser tingħata lura hekk kif jitlestew it-tiswijiet neċessarji.

F’wieħed mill-każijiet ta’ ħsarat li żviluppaw tul il-lejl tal-Ħadd, ħareġ duħħan minn ħsara li żviluppat f’termination ta’ cable. Is-sistema ta’ protezzjoni tal-cable immedjatament iżolat il-parti tal-cable li sofra ħsara, biex jiġi evitat li ssir iktar ħsara lis-substation. L-ebda tagħmir ieħor apparti mill-cable termination ma ġratilha ħsara waqt dan l-inċident. Tekniċi u Inġiniera tal-Enemalta waslu fuq il-post f’temp ta’ 15-il minuta mill-inċident, flimkien ma’ ħaddiema tal-protezzjoni ċivili.

Hekk kif ġiet identifikata l-ħsara, is-substations konnessi mal-istess ċirkwit li setgħu jinxtegħlu b’mod sigur, inxtegħlu. B’mod immedjat, inbdew ix-xogħlijiet ta’ tiswija fuq ittermination u l-provvista tal-elettriku ngħatat lura fiż-żoni l-oħrajn affettwati fl-istess lejl.

Tekniċi oħrajn għaddejjin b’ħidma kontinwa biex jindirizzaw diffikultajiet li jirrappurtaw konsumaturi fuq is-sistema ta’ vultaġġ baxx, li twassal il-provvista tal-elettriku mis-substation sal-konsumaturi. Dawn il-ħsarat jolqtu żoni lokalizzati, bħal konsumaturi individwali, binjiet u toroq. 

Id-Direttur Eżekuttiv tas-Sistema ta’ Distribuzzjoni, l-Inġ. Steve Farrugia qal li tul din laħħar ġimgħa, timijet tekniċi sewwew numru ta’ ħsarat li żviluppaw fis-sistema ta’ vultaġġ għoli. “Permezz ta’ riżorsi addizzjonali, qegħdin nagħmli l-almu tagħna biex insewwu l-ħsarat li żviluppaw mill-aktar fis, sabiex nerġgħu niksbu r-reżiljenza u l-flessibiltà fin-netwerk tagħna fl-iqsar żmien possibbli. Il-ħidma ta’ tiswijiet fuq dawn il-ħsarat ser tkompli għaddejja 24/7 sakemm jissewwew il-ħsarat kollha li żviluppaw f’din is-sistema.”

Enemalta qiegħda tuża sistema ta’ notifiki permezz ta’ SMS biex iżżomm konsumaturi li huma rreġistrati aġġornati fuq ħsarat u tiswijiet li jaffettwaw il-provvista tal-elettriku tagħhom. Il-pubbliku jista’ jirreġistra għal dan is-servizz billi jibgħat SMS fuq in-numru 79052492, bin-numru tal-karta tal-identità.  Fuq is-sit elettroniku, jitilgħu aġġornamenti live fuq interruzzjonijiet fil-provvista talelettriku - https://www.enemalta.com.mt/map/

More in Kronaka