Ilbieraħ għall-ħabta tas-7:30 p.m. il-Pulizija ġiet infurmata mill-Isptar Mater Dei li kien iddaħħal raġel l-Isptar għax weġġa' f'impjant fil-limiti tal-Magħtab, in-Naxxar.
Mill-investigazzjoni li saret irriżulta li aktar kmieni, għal ħabta tal-4:30 p.m. ir-raġel li għandu 42 sena u joqgħod il-Qrendi, kien sofra xi ġrieħi wara li nqabad bejn gaffa - li kienet qed tinstaq minn raġel ta' 53 sena mill-Mellieħa - u l-makkinarju industrijali.
Aktar tard ir-raġel ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Claire Zammit Stafrace ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.