Mara ta’ 79 sena weġġgħet serjament filwaqt li mara ta’ 70 sena u żagħżugħ ta’ 14-il sena ġarrbu ġrieħi ħfief wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku lbieraħ filgħaxija fiż-Żurrieq.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-6:00pm fi Triq Ħal Far, iż-Żurrieq.
Il-Pulizija marret fuq il-post, fejn mill-ewwel stħarriġ, irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Toyota Passo misjuqa minn raġel ta’ 45 sena residenti Ħal Għaxaq u Opel Astra, misjuqa minn raġel
ta’ 36 sena residenti Birżebbuġa.
Fil-karozza mar-raġel ta’ 36 sena kien hemm mara ta’ 40 sena flimkien ma tifel ta’ għaxar snin u tifla ta’ seba’ snin. Fit-Toyota Passo kien hemm ukoll tliet nisa ta’ 79, 70 u 44 sena, flimkien ma’ żagħżugħ ta’ 14-il sena.
Fuq il-post intalbet l-assistenza tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma’ tim mediku, u l-persuni midruba ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard, il-mara ta’ 79 sena ġiet iċċertifikata li ġarrbet ġrieħi serji, filwaqt li l-mara ta’ 70 sena u ż-żagħżugħ kellhom ġrieħi ħfief.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia LL.D li ħatar diversi esperti sabiex
jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.