Żagħżugħ ta’ 19-il sena li kien passiġġier f’karozza sofra ġrieħi gravi wara inċident tat-traffiku lbieraħ filgħaxija Triq Salvu Psaila, Birkirkara.
Il-każ seħħ għall ħabta tal-10:00pm, hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata bl-inċident u marret minnufih fuq il-post. Minn stħarriġ preliminari, irriżulta li l-ħabta seħħet bejn Toyota Hilux misjuqa minn raġel ta’ 49 sena li jgħix il-Marsa u Mercedes Benz misjuqa minn ġuvni ta’ 20 sena residenti l-Għargħur.
Fil-Mercedes kien hemm żagħżugħ ieħor ta’ 19-il sena li jgħix Pembroke. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.