L-aħwa Degiorgio jallegaw li s-servizzi sigrieti kienu jsegwu l-muvimenti ta’ Daphne

L-aħwa Degiorgio b’numru ta’ allegazzjonijiet serji ‘li se jikxfu’ politiċi u uffiċjali prominenti. Sostnew illi diġà għaddew baraxx ta’ informazzjoni lill-Prim Ministru Robert Abela u l-Kummissarju tal-Pulizija, ‘iżda ma sar xejn’

L-aħwa Degiorgio
L-aħwa Degiorgio

L-aħwa Alfred u George Degiorio, iż-żewġ persuni ħatja tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, allegaw li s-Servizzi Sigrieti kienu qed isusu wara Caruana Galizia u jsegwu kull moviment tagħha, qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2017.

Huma għal darb’oħra qalu li se jkunu qed jimplikaw żewġ figuri politiċi prominenti, uffiċjali għolja fil-Korp tal-Pulizija u s-Servizzi għas-Sigurtà ta’ pajjiżna, fil-qtil ta’ Caruana Galizia kif ukoll f’reati serji oħra.

Fi stqarrija indirizzata lill-membri tal-midja, l-aħwa Degiorgio allegaw li diġà ġibdu l-attenzjoni u taw din l-informazzjoni, li qed jallegaw li għandhom, lill-Prim Ministru Robert Abela, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u uffiċjali għolja, iżda ma ttieħdet l-ebda azzjoni. Allegaw li s-sistema ġudizzjarja qed tiġi abbużata u qed takkuża persuni, “li sa fejn nafu aħna, m’għandhomx x’jaqsmu f’dawn ir-reati.”

‘Nafu l-verità ta’ x’ġara fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia’

L-aħwa Degirgio ammettew il-ħtija li qatlu lill-ġurnalista fl-ewwel seduta tal-ġuri tagħhom, instabu ħatja u ngħataw 40 sena priġunerija. Kważi ġimgħatejn wara, l-aħwa għamlu talba għall-appell fil-konfront tas-sentenza. L-aħwa kienu waqqfu s-servizzi tal-għajnuna legali li ngħatawlhom għaliex ma setgħux isibu avukati biex jirrappreżentawhom. Eventwalment huma ingaġġaw avukti privati. Huma kienu stqarru li kellhom evidenza permezz ta’ filmati ta’ CCTV mil-ħabs u mil-lockup tal-Qorti, li juru illi Alfred Degiorgio kien fi stat vulnerabbli minħabba li kien fuq strajk tal-ġuħ u li b’hekk kienu għamlu l-ammissjonijiet.

Issa l-aħwa qed jallegaw li jafu x’ġara verament fil-qtil ta’ Caruana Galizia u li huwa ferm differenti, “mill-istampa li qed ipinġu l-investigaturi u l-politiċi.” Allegaw li kien hemm sforz kollettiv biex jinħbew il-vera kriminali li ikkommissjonaw ir-reati.

“Nistgħu nixhdu dwar l-involviment ta’ diversi persuni, fosthom l-eks Ministru Chris Cardona u l-eks Chief of Staff Keith Schembri. Nistgħu nixhdu l-involviment tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u s-Servizzi Sigrieti,” qalu fl-istqarrija.

“Il-pulizija ingħataw l-istruzzjonijiet biex ma jgħaddux minn fejn kienet toqgħod Caruana Galizia. Nistgħu nikkonfermawha aħna stess,” allegaw l-aħwa.

Huma akkużaw lis-Supretendent tal-Iskwadra tal-Omiċidji Keith Arnaud li ta istruzzjonijiet diretti lil nies prominenti bil-għan li jipproteġihom u li akkuża nies li, “nemmnu li qatt ma kienu involuti fil-każ.”

“Irridu nagħmluha ċara li l-persuna li ġiet imwiegħda u ngħatat maħfra presidenzjali qed tgħawweġ il-fatti u nemmnu li qed tgħid dik li persuna oħra qed jiddettalu li jgħid,” qalu l-aħwa b’referenza għall-middleman Melvin Theuma.

L-aħwa qalu li diġà provdew informazzjoni dwar tliet każi ta’ bombi li seħħew bejn l-2013 u l-2017, iżda ma ittieħdet l-ebda azzjoni. “L-awtoritajiet ma jriduhomx solvuti,” allegaw. Qalu li dawn huma biss ftit mill-każi li diġà taw l-informazzjoni fuqhom lill-awtoritajiet iżda reġgħu allegaw li mhemmx interess li din l-informazzjoni tinħareġ fil-pubbliku.

‘M’aħniex mostri, bħalma qed iġibuna nidhru li aħna’

Intant l-aħwa qalu wkoll li issa se jkunu qed jagħmlu din l-informazzjoni pubblika, “ħalli kulħadd ikun infurmat fuq il-verità dwar ċertu reati li ġraw u li l-verità qed tiġi mgħawwġa bil-għan li jiġu protetti persuni prominenti.”

Qalu li huma qed jiġu impinġija bħala mostri u li huma wkoll huma “vittmi ta’ dawn l-istess figuri prominenti fis-soċjetà Maltija.”

Fl-aħħar appellaw lill-President tar-Repubblika George Vella li iddeskrivewh bħala raġel ta’ prinċipju u honest, li jokkupa l-Uffiċċju li mhux qiegħed jiġi manipulat mill-forzi politiċi u amministrattivi. Talbuh biex jintervjeni fuq dawn il-fatti.

More in Kronaka