Ħabta bejn mutur u żewġ karozzi fi Triq Reġjonali jħalli raġel bi ġrieħi gravi

L-inċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tat-7:45 a.m. 

Dalgħodu għall-ħabta tat-7:45 a.m. il-Pulizija ġiet infurmata b'inċident tat-traffiku fi Triq Reġjonali, Santa Venera.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn Mutur Honda CRF, misjuq minn raġel ta' 25 sena residenti s-Siġġiewi, Ford Transit misjuq minn raġel ta' 60 sena minn Ħaż-Żebbuġ u Citroen C3 miqsjuqa minn Taljan ta' 31 sena minn Ħal Lija. B'konsegwenza ta' dan l-inċident, Toyota Passo ġarbet ukoll xi ħsarat. 

Fuq il-post issejjaħ tim mediku biex jassisti u ambulanza ħadet lir-raġel ta' 25 sena l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa, fejn ġie iċċertifikat li weġġa' gravi. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

More in Kronaka