Il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta saħqet li d-dewmien li esperjenzat fl-aħħar jiem, fl-ebda punt, "ma kien ikkawżat minħabba nuqqas ta' membri tal-ekwipaġġ jew piloti kif irrapportat f'ċertu sezzonijiet tal-midja."
Dan qaluh b'reazzjoni għal rapporti dwar rabja ta' diversi passiġġiera li għamlu sigħat sħaħ jistennew biex jaqbdu titjiriet lejn Ruma, Brussell, Londra u Zurich, kif skedat. L-Air Malta spjegat illi l-iskeda tas-sajf kienet ippjanata li topera bi tmien ajruplani, ilkoll bil-membri tal-ekwipaġġ u piloti kif suppost. Minkejja dan, nhar il-Ħadd li għadda wieħed mill-ajruplani esperjenza xi ħsarat u preżentament qiegħed jissewwa. Spjegaw li t-tiswijiet huma mistennija li jdumu sa nofs Mejju.
"Peress li qiegħdin fil-perjodu tal-vaganzi tal-Għid, ma kienx possibbli li jinstab ajruplan ieħor fi żmien daqstant qasir," spjegat il-kumpanija.
Intant il-linja Nazzjonali qalet illi l-AirMalta se topera programm estensiv ta' titjiriet fix-xhur li ġejjin u nuqqas ta' ajruplan se jkun qiegħed jaffettwa dan l-istess programm. Filwaqt li skużat ruħha tal-inkonvenjent ikkawżat, "qiegħda taħdem ħafna biex tirranġa s-sitwazzjoni."