Jinżamm arrestat wara li hedded raġel b'daqqa ta' sikkina fl-Għid

Qiegħed jingħad li l-vittma allegatament beda jiddieħaq bl-akkużat 

Raġel mill-Isla tressaq il-Qorti u ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest hekk kif ilbieraħ għamel użu minn sikkina biex ibeżża u jkun vjolenti ma' raġel ieħor. 

Ir-raġel ta' 44 sena ġie akkużat li kellu fil-pussess tiegħu sikkina waqt li kien post pubbliku, li hedded u insulenta lill-vittma, li kien vjolenti miegħu bil-ħsieb ta' estorsjoni u li ġiegħlu jibża' li kienet se tintuża arma fuqu. Huwa ċaħad l-akkużi kollha kontrih. 

Sorsi tal-MaltaToday qalu illi l-akkużat ikkonfronta lill-allegat vittma b'użu ta' sikkina, li normalment wieħed isib fi kċina bil-għan li jintimidah, għax allegatament kien qiegħed jiddieħaq bih. 

Filwaqt li l-avukat tiegħu talab għall-ħelsien mill-arrest il-prosekuzzjoni argumentat li dawn ir-reati kienu premeditati u li ħa s-sikkina miegħu apposta. L-ispettur li mexxa l-prosekuzzjoni argumenta li l-każ huwa wieħed serju u kien imħasseb li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest kien se jmur ifittex il-vittma "għaliex diġà kien hemm l-inkwiet bejniethom." Apparti minn hekk l-Ispettur qal illi l-vittma kien għadu se jixhed. 

Minkejja dan, l-avukat difensur irribatta li ma kien hemm ebda' bżonn ta' tħassib għaliex f'dan l-inċident ma sar ebda attentat li jagħti daqqiet ta' sikkina lil vittma u li din tfisser li l-akkużat ikkontrolla r-rabja u waqqaf lilu nnifsu. 

More in Kronaka