Ftehim bejn il-Gvern u LGBTI+ Gozo biex jiżdiedu l-ħaddiema fi ħdan l-għaqda

'B'dan il-ftehim se nkunu nistgħu ninvestu aktar fil-komunità biex nippromwovu l-ugwaljanza u l-inklużjoni' - Il-koordinatriċi tal-LGBTIQ+ Gozo

Illum ġie iffirmat ftehim soċjali bejn is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza u l-għaqda LGBTI+ Gozo li se jwassal biex tissaħħaħ il-ħidma favur l-ugwaljanza fil-gżira Għawdxija. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Gvern se jkun qed isostni l-pedamenti li bniet l-organizzazzjoni tul dawn l-aħħar tmien snin hekk kif hija l-unika għaqda mhux governattiva LGBTIQ+ ġewwa Għawdex.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet kif għal dan il-ftehim ġew allokati €30,000 fuq perjodu ta' sena biex l-għaqda tħaddem community worker bil-għan li l-komunità LGBTIQ f’Għawdex ikollha punt ta’ riferiment. “It-tisħiħ tal-ugwaljanza f’Għawdex huwa prinċipju li dan il-Gvern jemmen ħafna fih għaliex konxji wkoll li għad hemm sfidi li jridu jiġu indirizzati. Għalhekk il-viżibilità u l-ħolqien ta’ komunità ġewwa Għawdex stess hija kruċjali sabiex nibnu soċjetà aktar inklussiva. Din l-għajnuna hija parti minn katina ta’ inizjattivi li se joħolqu l-qofol tagħhom f’Settembru li ġej hekk kif Malta se tilqa’ l-Europride,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Sa mit-twaqqif tagħha, l-għaqda wettqet xogħol siewi biex tiżdied il-kuxjenza u l-għarfien dwar il-komunità LGBTIQ, għaldaqstant b’dan l-investiment il-Gvern qed jgħin biex jassigura li l-komunità LGBTIQ f’Għawdex tingħata s-servizzi meħtieġa. Preżenti għal dan il-ftehim kien hemm ukoll il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li wara l-progress li sar f’Għawdex tul l-aħħar snin fejn tidħol il-komunità LGBTIQ+ fil-gżira Għawdxija, anke permezz tal-għaqda LGBTI+ Gozo, "illum qed insaħħu din l-għajnuna permezz ta’ ftehim fejn il-Gvern se jkun qed jgħin lil din l-għaqda anki permezz tal-ħaddiema biex dawn is-servizzi jibqgħu jiżdiedu fil-gżira Għawdxija.

Catherine Camilleri, il-koordinatriċi ta’ LGBTI+ Gozo, qalet, “Aħna grati għall-appoġġ u s-sostenn kontinwu tal-Gvern, li jippermettilna nagħmlu differenza fil-ħajja tal-persuni LGBTI+ f’Għawdex. B’dan il-ftehim, se nkunu nistgħu ninvestu aktar fil-komunità tagħna u b’hekk inkomplu bl-isforzi tagħna biex nippromwovu aktar l-ugwaljanza u l-inklużjoni.”

More in Kronaka