Midja Taljana qed tirrapporta li l-Ponte Ferries talbet lill-Awtorità tal-Port Sqalli biex tirrevoka l-konċessjoni tagħha biex topera bejn Malta u Augusta. Siracusenews.it qed tirrapporta illi l-Ponte Ferries mhux intenzjonat li jkompli jidħol fil-port ta' Augusta.
Infakkru li f'Settembru li għadda l-Ponte Ferries kienet diġà issospendiet il-vjaġġi fil-perjodu xitwi, mingħajr spjegazzjoni. Issa l-President tal-Awtorità tal-Port tal-Ilvant ta' Sqallija, Andrea Annunziata sostna li l-Ponte Ferries "minħabba deċiżjoni illi ħa, ma jistax ikompli bis-servizz u għaldaqstant talab li tiġi revokata l-konċessjoni."
Il-Ponte Ferries huwa l-uniku katamaran fis-suq li joffri vjaġġi bejn Malta u Sqallija flimkien mal-kompetitur tiegħu Virtu Ferries. Ftit ġimgħat qabel ma issospenda l-vjaġġi tiegħu dan iltaqa' ma numru ta' problemi inkuż dewmien biex il-katamaran jaqbad triqtu lejn id-destinazzjoni. Fil-fatt f'okkażjoni partikolari, kellu jitħassar vjaġġ minħabba dewmien ta' siegħa stennija.
L-operat tagħhom kien intenzjonat li jibda fil-bidu ta' Awwissu 2021, iżda kellu jipposponi minħabba diżgwit mal-Virtu Ferries. Dak iż-żmien Ponte Ferries ħabbar li kien se jniedi servizz low-cost tant hu hekk li l-prezzijie ta' vjaġġ f'direzzjoni waħda kienu jibdew minn €9.99. Il-katamaran jakkomoda aktar minn 600 passiġġier u jista' jrikkeb ukoll vettur kemm tal-passiġġieri kif ukoll trakkijiet tal-merkanzija.