Omiċidi li xxukjaw lil Malta: Tinstab 11-il sena wara l-għejbien tagħha u l-każ għadu mhux solvut (8)

Charlene Farrugia kellha biss 25 sena meta għebet f’Novembru 2008. Charlene kienet carer fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi, tgħix f’San Pawl il-Baħar fejn kienet qed tieħu ħsieb ulied is-sieħeb tagħha. Minkejja li nstabet mejta fl-2019, dan il-każ għadu sa llum mhux magħluq u għalhekk dan il-kapitlu mill-aktar ikrah għadu miftuħ

Min hi Charlene Farrugia?  

Charlene Farrugia kellha biss 25 sena meta għebet f’Novembru 2008. Charlene kienet carer fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi, tgħix f’San Pawl il-Baħar fejn kienet qed tieħu ħsieb ulied is-sieħeb tagħha, Jonathan Attard, raġel li xellef difrejh mal-ġustizzja u li dak iż-żmien kien qiegħed il-ħabs. Għebet, hekk hu. Sfortunatament it-titlu ta’ dan l-artiklu diġà jindika dak kollu li kellha tgħaddi minnu Charlene, meta kienet fi fjur ħajjitha. Sfortunatament għall-familja wkoll, dan il-każ għadu sa llum mhux magħluq u għalhekk dan il-kapitlu mill-aktar ikrah għadu miftuħ.  

Min hu Woods?  

L-istorja bdiet f’Lulju tal-2019, meta John Paul Charles Woods għamel hold-up fil-Convenience store tal-Gżira. Aktar tard kien ġie irraportat illi Woods kien ħarab mill-Isptar Psikjatriku Mount Carmel u li kien għen lil pazjent ieħor jaħrab, dwar dan qatt ma reġa’ ġie irraportat xejn.  

Wieħed jistaqsi; Imma dan x’għandu x’jaqsam ma’ Charlene?  

Dakinhar tal-hold-up stess, meta ġie arrestat u kien qiegħed jingħata l-għajnuna medika fl-Isptar Mater Dei, huwa talab biex jitkellem ma’ spettur għax kellu xi ħaġa xi jgħid. Kien hemm li bdiet tinfetaħ il-kaxxa ta’ pandora’s, b’isem Charlene Farrugia fuqha. Huwa ammetta mal-Ispettur illi kien qatel lil tfajla.  

X’ħareġ mill-Kumpilazzjoni tal-evidenza?  

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ John Paul Charles Woods bdiet fit-13 ta’ Lulju 2020, sena wara li kien ammetta l-allegat involviment tiegħu fil-qtil ta’ Charlene.  

Uffiċjal tas-CID jgħid illi l-investigazzjoni bdiet fis-19 ta’ Lulju 2019 meta kien qiegħed jiġi investigat fuq il-holdup. Kien l-Ispettur Jonathan Ransley li ħadlu l-istqarrija tiegħu dwar Charlene.  

Minkejja li f’dawn l-erba’ snin rajna verżjonijiet differenti ta’ x’ġara u ma ġarax, Woods ammetta l-ewwel darba mal-Ispettur, reġa’ ammetta t-tieni darba meta kien qiegħed jiġi interrogat iżda mbagħad reġa’ radd kollox lura. L-unika ħaġa illi baqgħet konsistenti matul l-investigazzjonijiet kienet illi qatilha jew le, huwa qatta l-katavru ta’ Charlene u tefa’ partijiet minnhom f’għar fis-swar barra l-Belt Valletta.   

X’kienet l-ewwel verżjoni ta’ Woods? X’ammetta mal-Ispettur Ransley?  

Qabel ma nsemmu dak li ammetta Woods mal-Pulizija, tajjeb li nsemmu wkoll telefonata li interċettat il-Pulizija. Lejliet, ma għebet, Charlene irċeviet telefonata fl-4:40p.m. mill-ħabs. Attard kien staqsiha jekk kinitx rat lil ċertu John u jekk tahiex il-flus. Għal dan hija kienet irrispondiet, “illum ġie jiffittani xi darbtejn. Il-flus ma tahomlix, imma għada immur.”  

L-ewwel verżjoni ta’ Woods - jekk hix din it-tajba jew le għadna ma nafux – kienet illi l-għada li saret din it-telefonata Farrugia marret l-appartament fir-residenza tal-għarusa ta’ Woods, fejn kien qiegħed jagħmel xi xogħol. Din ir-residenza kienet biss erba’ bibien ‘il bogħod minn fejn kienet toqgħod hi.  

Farrugia bdiet iddejqu fuq il-€200 li hu kellu jagħti lil Attard. F’daqqa waħda inqala argumet fil-kuritur, hekk kif Charlene kienet hedditu li jekk mhux se jagħtiha l-flus kienet se tmur għand l-għarusa tiegħu u tgħidilha li kellhom x’jaqsmu ma’ xulxin, xi ħaġa li skont Woods, ma kienx veru. Eventwalment minn rapporti tal-midja ntqal li Charlene u Woods setgħu kienu f’relazzjoni, iżda din il-gazzetta sabet diversi verżjonijiet dwar dan.  

Skont l-ammissjoni tiegħu stess, Wood qal illi taha daqqa ta’ sikkina, li kien qiegħed juża biex jaqta’ wires elettriċi u allegatament taha daqqiet f’għonqa. Huwa ħaseb li kienet għadha ma mititx u għalhekk fgaha.  

Kien hemm li huwa ħareġ il-katavru ġol-bitħa tal-komun u għattiha b’saqqu ħażin, li kien se jintrema. L-għada induna li kien hemm id-demm iċarċar għal ġod-drain u li kawża ta’ hekk kienu se jindunaw ir-residenti tal-blokka u għalhekk naddaf kull traċċa ta’ demm.  

Jumejn wara li nqatlet, il-ġirien bdew ixommu rwejjaħ kbar u kienu avżaw lil Woods. Huwa kien qalilhom li kellu problemi bid-drenaġġ u li kien qiegħed jaħdem fuqha. Kien hemm illi qatta l-katavru u tefa’ l-partijiet tal-ġisem f’boroż. Tefa’ l-boroż taż-żibel fi Triq l-Ibħra u oħra fi Triq il-Ħġejjeġ, f’San Pawl il-Baħar. Kien hemm illi qabad iċ-ċwievet tal-karozza tal-vittma u  tefa’ borża oħra fl-għar ħdejn il-lukanda tal-Phoenicia. Malli għamel dan, ta l-karozza lil persuna oħra biex joħodha għand panel beater il-Belt stess. Din il-karozza baqgħet qatt ma nstabet.  

Meta eventwalment ġie arrestat, Woods saħansitra ħa lill-pulizija fl-istess appartament fejn seħħ l-omiċidju u spejgalhom x’kien ġara u fejn. Dan l-appartament kien għadu tal-eks sieħba tiegħu u minnu l-Pulizija irnexxielhom jieħdu kampjuni ta’ demm iżda dawn kienu inkonklussivi.  Huwa reġa’ ġie interrogat fit-30 ta’ Lulju 2019 u qalilhom l-istess verżjoni.  

Kien f’Awwissu tal-2019 li biddel il-verżjoni u semma lil Jesmond Cassar, iżda l-Pulizija ma bdietx temmnu. Aktar tard fit-8 ta’ Awwissu, Woods qal li qatta’ l-katavru dakinhar li ġiet maqtula u ħadha l-Belt dakinhar stess, verżjoni differenti, oħra.  

X’kienet it-tieni verżjoni ta’ Woods?   

Woods sostna illi hu u Jesmond Cassar, it-Tito (is-sieħeb ta’ oħt Jonathan Attard li kien is-sieħeb ta’ Charlene) kienu jagħmlu użu mid-droga. Woods qal illi f’jum partikolari huma kienu fl-appartament tiegħu u ftehmu li hu kien se jmur jixtri s-siringi mill-ispiżjar u Charlene u t-Tito kienu se jmorru jixtru d-droga. Ilkoll kienu ftehmu li la jlestu, jerġgħu jirritornaw lura fl-appartament.  

Woods irrakkonta li meta mar lura l-appartament sab lil Farrugia mejta. Kif inqatlet, jekk kinx hemm xi demm bħalma semma fl-ewwel ammissjoni, jekk kinitx mietet kawża ta droga, qatt ma ta spjegazzjoni. Sostna illi sab lil Farrugia mal-art, dahra mal-ħajt u staqsa lil Cassar “X’għamilt? X’ġara?”  

Woods qal illi kien hemm ġlieda bejniethom u li kawża ta’ hekk spiċċa qala daqqa ta’ sikkina u ħarab mir-residenza tiegħu stess. Xi jiem wara qal illi ddeċieda li jneħħi l-katavru.  

Aktar tard sostna li Woods tefa’ l-katavru f’ħames boroż taż-żibel u tefahom barra biex jiġborhom taż-żibel. Qal illi partijiet oħra tal-ġisem kien tefahom fix-xelter tal-Floriana, fejn instabet. Minkejja dan, l-istorja hija aktar elaborata minn hekk, għaliex skont woods il-boroż taż-żibel kienu sparixxew qabel ma setgħu jinġabru u li kien issuspetta li kien ħadhom Cassar.  

Il-Pulizija kienet investigat lil Cassar iżda qatt ma sabet biżżejjed evidenza fil-konfront tiegħu. Minkejja dan, Cassar kien qajjem xi mistoqsijiet dwar ix-xhieda tiegħu fil-Qorti, għaliex ma bediex iwieġeb kollox. Fis-seduta huwa kien qal li kien diġà wieġeb waqt l-interrogazzjoni tal-Pulizija.  

Mhux ċar lanqas il-konnessjoni ta’ Cassar u Woods. Fil-fatt il-prosekuzzjoni fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kienet ġibdet l-attenzjoni ta’ Cassar u qaltlu li kien inkonsistenti. Cassar ma kienx jaf lanqas kif kienu jafu lil xulxin Attard u Woods.  

L-aħħar interrogazzjoni ta’ Woods kienet fit-2 ta’ Lulju 2020 biex jiċċaraw xi punti li kien qalilhom hu stess iżda innotaw atteġġjament stramb. Meta bdew jgħidulu affarjiet li kien qalilhom hu stess kien jaqbdu nervi, jippassiġġa u jibgħat lill-Pulizija jixxejjru.  

X’kellhom xi jgħidu t-Tito u l-eks sieħba tiegħu Abigail Tanti ?  

Fix-xhieda tiegħu Cassar sostna li Charlene kienet tifla sew u li kien wissiha biex titlaq lis-sieħeb tagħha u “biex tevita nies bħal dawn.”  Qal illi hi ma kinitx f’qagħda finanzjarja tajba iżda ma kienx infurmat jekk kellhiex tiġbor xi flus, lanqas jekk kinitx f’kuntatt ma’ Woods.  

Kuntrarjament għat-tieni verżjoni ta’ Woods, Cassar qal illi Charlene qatt ma kienet ħadet drogi fil-preżenza tiegħu.  

L-avukat ta’ Woods staqsietu għaliex kienu fetħu rapport ftit biss wara li kienu għadhom kif rawha u li bdew jissuspettaw mal-ewwel illi kienet nieqsa. Cassar qal illi dak iż-żmien is-sieħeb ta’ Charlene kien għadu kif jiġi arrestat minħabba d-droga u persuna oħra kien irnexxieku jaħrab. “Kont qed nissuspetta, ippruvajt inċemplilha u ma wiġbitnix. Ma ġabritx lit-tfal mill-iskola lanqas. Dejjem kienet twieġeb għat-telefonati tiegħi,” qal Cassar.  

Huwa sostna li hu qatt ma kien mar id-dar ta’ Woods, la waħdu u lanqas akkumpanjat minn Charlene. “Qatt ma ħadt basktijiet taż-żibel u tfajthom fil-baħar. Jien idejja nodfa,” kompla Cassar b’referenza għall-implikazzjoni ta’ Woods.  

It-Tito kien qal illi huma kienu marru għal Charlene biex tikseb permess mill-Qorti biex tkun tista’ iżżur lil Attard fil-ħabs. Qal illi marru lura Buġibba u dik kien l-aħħar darba li kien raha.  

Abigail Tanti, l-eks sieħba tat-Tito qalet illi dakinhar li kienet għebet kienu barru għal Charlene u kienu sabu lil ulied Attard fil-komun u hi ma kinitx id-dar. Kienet qalet illi kellha ċavetta tal-appartament, daħlet u ma kinitx hemm. Tanti kienet inkwetata u marret l-għassa tagħmel rapport iżda l-Pulizija kienet infurmata li membri tal-familja biss setgħu jagħmlu dan. Hija kienet saħansitra ċemplet lill-familja tagħha biex tara jekk hux qiegħda magħhom.  

Il-familja tal-vittma  

Oħt il-vittma Noemi Farrugia kienet saħqet f’intervista fl-2010 illi hi u Charlene kellhom relazzjoni tajba ħafna iżda l-ġenituri ma kinux kuntenti bir-relazzjoni li kellha ma’ Attard u dan wassal biex ilkoll infirdu u kellhom kuntatt minimu, għaliex kienet iddeċidiet li tmur toqgħod ma’ Attard.  

Missier il-vittma xehed fil-kumpilazzjoni permezz ta’ video-call u irrakkonta li dakinhar tal-għejbien huwa kien imsiefer iżda għamel rapport li kienet nieqsa. Qal li filwaqt li kien jaf b’Abigail ma kienx jaf wisq b’Jonathan u t-Tito.  

Qal illi l-aħħar persuna li kien raha kien sid ta’ ħanut tal-merċa fil-Qawra u hu u martu kienu marru jfittxu lil binthom. Kawża tal-għejbien ta’ bintha, il-missier saħaq li saħħet martu marret lura sew u mietet fl-2011, qabel ma kellha ċ-ċans li tinstab Charlene.  

Huwa qal illi l-fdalijiet ta’ Charlene instabu proprju l-għada li huwa kien mar fil-qabar ta’ Kristu.  

L-informazzjoni biex inkiteb dan l-artiklu ittieħdet minn diversi siti tal-aħbarjiet, rappurtaġġ tal-qorti u mill-ktieb ta’ Eddie Attard.  

More in Kronaka