Raġel b'lista twila ta' reati jammetti li seraq credit card u li xtara minn diversi ħwienet biha

Huwa kien diġà arrestat fuq każ separat meta ġie identifikat f'filmati ta' CCTV

Raġel li kellu kondotta twila ta' reati ammetta fil-Qorti illum li seraq numru ta' credit cards u b'mod frodulenti użahom biex jagħmel diversi xirjiet. 

Ir-raġel ta' 40 sena, li emigra Malta mill-Libja 27 sena ilu, tressaq il-Qorti dalgħodu fuq l-akkuża li seraq il-credit card ta' raġel u użaha biex xtara numru ta' affarjiet minn ħwienet fiż-Żejtun u f'Ħaż Żabbar, f'Jannar li għadda. Huwa ġie akkużat ukoll bi frodi, serq sempliċi, serq aggravat, attentat ta' serq aggravat, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq kawża oħra, reċediviżmu kif ukoll li kien qiegħed jgħix bla saqaf fuq rasu. 

L-Ispettur f'dan il-każ saħaq li r-reati seħħew bejn il-21 u 22 ta' Jannar li għadda. Sid il-credit card kien għamel rapport li kienet inserqet u li qabel ma ikkanċellaha biex ma tintużax kien irċieva xi notifiki li kienet intużat. 

L-investigaturi kisbu kopji ta' filmati ta' CCTV mill-ħwienet li fihom saru x-xirjiet, u li saħansitra wrew li dakinhar kien ukoll akkumpanjat minn mara. 

L-akkużat kien diġà fil-kustodja tal-Pulizija fuq każ separat meta ġie identifikat li seraq hu. Għaldaqstant huwa reġa' ġie arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. 

Kien għalhekk li l-akkużat ammetta l-akkużi kollha kontrih u ngħata sentenza ta' sentejn priġunerija, sospiżi għal erba' snin kif ukoll multa ta' €500. 

More in Kronaka