Omiċidji li xxukkjaw lil Malta : Angela Bondin, il-mara li nqatlet b’bomba li ma kinitx għaliha (6)

Nhar it-18 ta' Ġunju, Angela Bondin kienet sempliċement għaddejja minn triq fiż-Żejtun, iltaqgħet ma' mara u waqfet tgħid kelma. Ġara iżda li Bondin kienet mhux biss vittma ta' bomba, li ħaditilha ħajjitha, iżda wkoll ta' 'wrong place, wrong time'... L-ILLUM tirrapporta l-istorja ta' Bondin

Min hi Angela Bondin? 

Kien it-18 ta’ Ġunju 2005 meta Angela Bondin kienet miexja fi Triq il-Madonna tal-Ħniena, fiż-Żejtun. Kif jgħid l-Ingliż, dan il-qtil kien xejn aktar minn “wrong place, wrong time” għal Angela. Dan għaliex, minkejja li Bondin kienet vittma ta’ bomba, din ma kinitx immirata lejha.  

Dwar Bondin, ma nafux wisq ħlief li hija kienet vittma ta’ bomba li saret minħabba ġlied bejn il-familja u pika għall-wirt ta’ Rennie Azzopardi, il-qattiel.  

X’ġara dakinhar tad-delitt?  

Dakinhar tad-delitt, Tessie u żewġha Joseph Grima kienu fuq il-bejt ta’ darhom jippreparaw għall-festa meta raw raġel li ħareġ mill-karozza u poġġa basket misterjuż ħdejn karozza oħra. Ġara li dakinhar ma kienx se jinġabar l-iskart u pront Joseph qallu biex imexxiha minn hemm, iżda dan ma semax u l-basket hemm baqa’.  

Fil-fatt Tessie kienet tħobb l-indafa u kienet lesta tmexxiħ mal-ġenb sakemm jinġabar l-għada. Joseph qalilha biex ma tmiss xejn iżda meta telaq mid-dar marret iġġorr il-basket.  Tessie sabet diffikultà biex iġġorru għax kien tqil iżda dak il-ħin kellha tgħaddi Angela Bondin mit-triq u għenitha tkaxkar il-basket mal-kantuniera tal-garaxx, li fih kien qiegħed jaħdem iben Tessie. Iż-żewġ nisa qabdu diskursata iżda ftit mumenti wara seħħet splużjoni kbira li kkaġunat ħruq lit-tnejn li huma. It-tnejn ittieħdu l-isptar iżda sfortunatament Angela mietet kawża tal-ġrieħi tagħha ftit wara.  

X’ħareġ mill-Qorti?   

Wara l-mewt ta’ Angela Bondin, bdew l-investigazzjonijiet u rriżulta li l-bomba tpoġġiet ħdejn il-karozza ta’ ċertu Mary Rose Cassar. Eventwalment insiru nafu li l-bomba kienet immirata lejha u lejn uliedha minn Ronnie Azzopardi, ħu s-sieħeb tagħha.   

Fl-10 ta’ Awwissu tal-2005 Ronnie Azzopardi, li dak iż-żmien kellu 33 sena, tressaq b’arrest quddiem il-Qorti akkużat bil-qtil ta’ Bondin u bl-attentat ta’ qtil ta’ Mary Rose Cassar u uliedha. Madankollu, il-ġuri ta’ dan il-każ seħħ nhar it-Tnejn 18 ta’ Marzu fl-2013, kważi 10 snin wara.  

Waħda mill-ewwel xhieda kienet dik tal-Ispettur Chris Pullicino. Huwa qal li Azzopardi, dakinhar tal-isplużjoni kien għamel żewġ telefonati: Waħda miż-Żejtun stess u oħra f’Bulebel. 

Ingħad ukoll li l-bomba tpoġġiet quddiem il-karozza ta’ Cassar, fl-10:30a.m. Il-pulizija, permezz tal-mobile u ta’ għarfien tal-karozza tiegħu, setgħet issegwi l-movimenti Azzopardi. Aktar tard insiru nafu aħjar, permezz tax-xhud ta’ Mary Rose Cassar, kif bdew is-suspetti fuq Azzoppardi.  

Meta mar il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal interrogazzjoni, Azzopardi mar bl-istess karozza li Tessie u Joseph Grima lemħu dakinhar tal-qtil, Seat Toledo blu.  

Waqt il-ġuri issemma wkoll Malcolm Micallef, eks ħaddiem mal-Aġenzja Appoġġ. Micallef qal lil Pulizija li kien kellem lil ċertu Matthew Pace illi kien qalilhom li Azzopardi prova jqabbdu biex joqtol lil Cassar. Mix-xhieda irriżulta li Azzopardi kien avviċina lil Pace “għal biċċa xogħol”. Huwa talbu biex ikollu x’jaqsam ma’ Cassar, li kienet prositituta u wara li jmur magħha, Pace kellu jaqbad il-pistola li jagħtih Azzopardi u joqtolha. Apparti li wegħdu li jħallas għas-“servizz” ta’ Cassar, huwa wegħdu li jekk joqtolha iħallsu Lm 500 u karozza misruqa. Skont Micallef, Pace kien beħsiebu jirrifjuta.  

Micallef kien wissa lil Pace li minkejja li qallu b’din l-informazzjoni b’mod kunfidenzjali ma setax iżommha għalih għax kien hemm persuna fil-periklu.  

Dan l-istess rakkont huwa eżatt dak li kien qal oriġinarjament Pace lil Pulizija. Fil-fatt l-Ispettur Pullicino semma’ dan kollu fil-Qorti.  

Wara din ix-xhieda qamet kommossjoni żgħira għax Pace irtira dak kollu li qal lil Micallef u lill-Pulizija. Saħaq li minkejja illi qal lill-Pulizija bl-istess storja eżatt, huwa kien ivvintaha. Sostna li l-Pulizija kienet heddidtu li jekk ma jgħidx din l-istess storja, iżommuh arrestat.  

Huwa ċaħad li tkellem mas-social worker u ma kienx jaf lil Cassar u li lil Azzopardi, minkejja li kien jafu, “saħħa u bonġu” biss kien jgħidlu. Waqt il-ġuri Pace ġie arrestat għax biddel il-verżjoni kompletament u saħansitra ġie iddikkjarat bħala xhud ostili.  

L-Ispettur Joseph Agius, li kien stazzjonat fl-għassa taż-Żejtun dakinhar tal-isplużjoni, qal li għall-ewwel ħasbu li l-isplużjoni seħħet kawża ta’ murtal, madankollu meta marru fuq il-post indunaw li l-bomba kellha materjal splussiv differenti. Dakinhar stess, fuq ix-xena, il-Pulizija tkellmet ma’ Mary Rose u qaltlu li hija kienet għamlet diversi rapporti l-għassa ta’ Bormla dwar theddid ta’ bombi.  

Waqt il-ġuri xehed ukoll Jeffrey Curmi, dak iż-żmien Kaptan u espert fl-isplussivi. Curmi xehed li l-isplussiv kien f’kaxxa tal-injam u kien magħmul min affarjiet differenti inkluż, fire extinguisher żgħir, bozza u transmitter li jaħdem fuq il-frekwenza tar-radju.  

Curmi spjega li l-bozza intużat biex il-filament tagħha jisħon u sussegwentament joħloq reazzjoni kimika. Din ir-reazzjoni eventwalment wasslet għall-isplużjoni. Dakinhar żied jgħid li din it-tip ta’ bomba qatt ma kien iltaqa’ magħha qabel u kienet ikkumplikata ħafna.  

X’kellha xi tgħid Mary Rose Cassar?  

Dan il-każ kellu ħafna trufijiet u kawża ta’ hekk kien hemm ħafna mistoqsijiet fosthom: Għaliex Ronnie Azzopardi għamel bomba? Min hu Azzopardi? Mary Rose fhiex tidħol? U x’inhi l-konnessjoni?  

Ix-xhieda ta’ Mary Rose Cassar tat risposta għal kollox.  

Cassar u ħu Ronnie Azzopardi – Jason – kienu ilhom flimkien ħames snin u fil-fatt kellhom tliet itfal. Cassar spjegat li Jason kien miżżewweġ u b’kollox kellu disat itfal, iżda ma baqax ma martu.  

Madankollu ftit qabel ma seħħ dan il-każ, Jason inqatel u kien dan li beda l-ġlied u t-theddid lejn Cassar.   

Cassar kompliet tispjega li Jason kien jieħu l-benefiċċji soċjali u għaldaqstant kien jirreġistra l-affarjiet tiegħu fuq ħuh Ronnie. Jason kellu żewġt idjar fl-inħawi magħrufa bħala ‘Fuq Verdala’ f'Bormla.  

Kompliet tgħid li wara l-mewt tal-maħbub tagħha kien hemm ħafna ġlied u theddid min-naħa ta’ Ronnie għaliex hi u uliedha kienu l-werrieta ta’ Jason. Tant hu hekk li tliet ġimgħat qabel l-isplużjoni kienet iltaqgħet miegħu, permezz tal-avukati, għax ried il-Mercedes, li kien ta' Jason. Cassar kienet tal-idea li din tinbiegħ u li l-flus jinqasmu bejn il-werrieta kollha, inkluż uliedu kollha u hi. Sintendi, ma ntlaħaqx ftehim u kien dakinhar stess li Azzopardi beda jistaqsi biex jipproduċulu bomba.  

Qalet ukoll li Azzopardi kien għamel diversi rikorsi biex jitlobha l-flus. Darba kien talabha Lm 3,000 u darb'oħra Lm 25,000.  

Fost ir-rapporti ta’ theddid hija infrumat lil Pulizija li kien hemm min qalilha li Azzopardi kien qiegħed ifittex lil xi ħadd biex jagħmel bomba. Hija irrakkontat li s-soltu kienet tmur tara lil ommha s-Sibt għall-ħabta tal-10a.m. u li kienet tipparkja l-karozza fi Triq Sant Maria, iż-Żejtun.  

Dakinhar inzertat li wara li marret iżżur lil ommha marret tixtri bil-mixi u ma użatx il-karozza.  

Hija irrimarkat li l-Pulizija ma kinitx ħadet passi dwar ir-rapporti li kienet għamlet u li kieku ttieħdu l-passi meħtieġa, ma kienx jiġri dak li ġara. Hija tenniet li tant kienet tibża’ minn Azzopardi li kull darba li kienet tarah f’xi karozza differenti, kienet tieħu nota tan-number plate.  

Cassar marret lura għal dakinhar tal-isplużjoni u saħqet li kienet semgħet splużjoni mill-bogħod u qalbha ħebritha. Minkejja dan missierha kien qalilha li kienu weġġgħu xi nies bil-logħob tan-nar, bħas-suspett ewlieni li kellhom il-pulizija.  

Meta Cassar marret lura ħdejn id-dar ta’ ommha rat iż-żona b’diversi uffiċjali tal-pulizija u x’ħin daħlet fil-karozza, pulizija minnhom avviċinaha biex tisaqsiha jekk ratx xi ħaġa. Hija qaltlu li kienet qed tibża’ tixgħel il-karozza. Meta ġiet mistoqsija għaliex bdiet tibża’ kienet infurmathom dwar l-informazzjoni li kellha li Azzopardi prova jakkwista bomba.  

Fl-awla hija xehdet li mhux l-ewwel darba li ratu jdur qrib id-dar ta’ ommha u meta marret tgħix l-Imsida mar jgħix ħdejha. Hija sostniet li mhux l-ewwel darba ukoll li kien jagħfas il-karozza mal-bankina waqt li tkun għaddejja minn fuqha ma’ uliedha.  

X’kien il-verdett?  

Wara l-indirizz tal-Imħallef Michael Mallia, il-ġurati għamlu seba’ sigħat ta’ delibirazzjoni u l-verdett kien dan:  

  • B’Sebgħa voti kontra tnejn huwa ma nstabx ħati li b’mod volontarju ikkaġuna l-mewt ta’ Angela Bondin.  
  • B’sebgħa voti kontra tnejn huwa nstab ħati li għamel bomba li setgħet tqiegħed f’periklu ħajjet ħaddieħor u li b’konsegwenza ta’ dan tilfet ħajjitha Bondin.  
  • B’sebgħa voti kontra tnejn huwa nstab ħati li għamel splużjoni li qegħdet fil-periklu ħajjet ħaddieħor u li ikkawżat feriti gravi lil Tessie Grima.  
  • B’sebgħa vot kontra tnejn huwa nstab ħati b’tentattiv ta’ qtil ta’ erba’ persuni oħra.  
  • B’sebgħa voti kontra tnejn ma nstabx ħati li ikkaġuna ħsara fuq il-ħwejjeġ ta’ ħaddieħor.  

B’hekk l-Imħallef ikkundanna lil Azzopardi għomru l-ħabs. Intant, fl-2011 huwa nstab ħati b’sebgħa voti kontra tnejn fuq tentattiv ta’ qtil ta’ Jonathan Spiteri u ġie ikkundannat għal 20 sena ħabs  oħra.  

 Huwa ngħata wkoll 30 sena priġunerija talli ipprova joqtol lil ħu Melchior Spiteri. Spiteri huwa dak li qatel lil Jason.   

L-informazzjoni għal dan l-artiklu ittieħed mill-ktieb ta' Eddie Attard 'Delitti f'Malta' u minn numru ta' artikli oħra minn diversi Kmamar tal-Aħbarjiet. 

More in Kronaka