Omiċidji li xxukkjaw lil Malta: Diane Gerada u l-qtil misterjuż ta’ Peter Jones (5)

Fil-ħames ġimgħa tas-serje tagħha, l-ILLUM tirrakkonta l-istorja tal-qtil makabru ta' Diane Gerada, omm li nqatlet b'daqqiet ta' sikkina u l-qtil ta' Peter Jones li baqa' misteru, sa llum ...

Min hi Diane Gerada?  

Diane Gerada kellha biss 33 sena meta ħajjitha ntemmet ħesrem bi 23 daqqa ta’ sikkina. Il-qtil ta’ Gerada ma kienx sempliċement femiċidju iżda riżultat ta’ żwieġ turbuleti għall-aħħar ma’ Grazio Gerada, il-qattiel tagħha u missier l-erbat‘itfal tagħha. L-istorja ta’ Diane Gerada tintemm wara li waslet mix-xogħol fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu nhar it-9 ta’ Settembru, 1993. L-istorja hija waħda xokkanti, mhux biss għall-mod ta’ kif inqatlet iżda għaliex binthom rat dan kollu jseħħ quddiemha, wara snin tara ġlied, insulti, manipulazzjoni u attentati ta’ suwiċidju.  

Ritratt mill-arkivji
Ritratt mill-arkivji

X’ġara dakinhar tad-delitt? 

Diane Gerada irritornat id-dar wara x-xogħol fil-lejl ta’ bejn it-8 u 9 ta’ Settembru 1993 għall-ħabta ta’ nofsillejl. Kienu biss tliet kwarti wara, meta bintha ta’ 11-il sena, marret tiġri ċċempel lil nannuha tgħidlu li ommha mejta. Mar għandhom u sab lil bintu mal-art imkebba f’purtiera, bil-ħwejjeġ ta’ taħt. Minkejja li ċempel lil pulizija u għall-għajnuna medika, bintu kienet mejta.  

Ftit mumenti wara li waslet fuq il-post il-Pulizija tilmaħ lil Grazio, fl-inħawi ta’ darhom, kokka fl-art liebes biss qalziet ta’ taħt. Immedjatament, Grazio ammetta magħhom li kien rema’ l-arma tad-delitt, sikkina u mar mal-uffiċjali jifttixuha.  

Wara dan Grazio ittieħed il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u minn hemm beda r-rakkont taż-żwieġ imfarrak, li aktar tard fil-ġuri ġie kkonfermat ukoll minn binthom. Fi stqarrija twila huwa stqarr li l-inkwiet tagħhom kienu ilu għaddej 12-il sena u dakinhar tal-qtil, ma kien xejn differenti.  

Huwa qalilhom li meta martu irritornat id-dar u daħlet ġos-sodda prova darbtejn ikollu x’jaqsam magħha, iżda din irrifjutat. Fil-fatt mat-tieni talba qal li ħarġet sikkina għalih. F’dak il-mument huwa qabad is-sikkina u beda jxejjirha.  

Dan wassal biex Diane ħarġet mis-sodda matrimonjali tagħhom u marret fil-gallarija. Grazio ħareġ warajha u kien hemm li kompla jagħtiha daqqiet ta’ sikkina.  

B’kollox hija kienet qalgħet 23 daqqa ta’ sikkina, tant li l-pulmun ċeda. Fl-awtopsja sabu wkoll ħruq artifiċjali anke fil-qalziet ta’ taħt tal-vittma, li f’partijiet partikolari kien imddewweb. Fil-fatt Grazio kien ammetta li wara li qatilha sab bott aċtu u waddabulha.  

Grazio kompla jirrakkonta li wara li għamel dan kollu ħarab mid-dar għax kien taħt l-impressjoni li martu kienet għadha ħajja u kienet sejra tiġri warajh. Kien meta wasal sax-xatt ta’ Marsaxlokk li ntebaħ li kellu idejh miksijja demm.  

X’ħareġ fil-Qorti?   

Il-Pulizija xliet lil Grazio Gerada bil-qtil ta’ Diane u għaldaqstant resqitu l-Qorti. Hawn il-Qorti ssir taf għal-ewwel darba dwar il-problemi psikjatriċi li kien isofri minnhom l-akkużat. Dan hekk kif l-avukat tad-difiża talab biex jinħatru esperti psikjatriċi biex jirrappurtaw fuq il-qagħda mentali tiegħu. Proprju wieħed mill-argumenti tad-difiża kien ukoll li l-kumpilazzjoni tax-xhieda ma kelliex issir qabel ma jitlesta rapport dwar dan.  

Minkejja dan, taħt it-tmexxija tal-Maġistrat Joseph Apap Bologna, fi tmiem il-kumpilazzjoni nstabu biżżejjed provi biex Gerada jitpoġġa taħt att ta’ akkuża. Sandanittant it-talba tad-difiża ntlaqgħet iżda b’dispjaċir għalihom, it-tobba ma sabu ebda sinjali ta’ mard mentali.  

Kien għalhekk li fit-8 ta’ Settembru 1997 beda l-ġuri quddiem l-Imħallef Victor Caruana Colombo. Il-perjodu ta’ meta seħħ il-każ sakemm beda dan il-ġuri kien pertinenti għas-sentenza tiegħu, li se nsemmu aktar tard.  

L-aktar żewġ xhieda importanti f’dan il-ġuri kienu tat-tifla tagħhom u tal-akkużat innifsu.  

Ir-rakkont tat-tifla jgħid li kienet rieqda f’kamritha meta semgħet lil missierha jġorr fann mill-kċina għall-kamra tas-sodda tagħhom. Qalet li dak il-ħin semgħet twerżiq fgat u għajjat li jidnika uġigħ kbir.  

Minn hemm hija iddeċidiet li tieħu r-riedni f’idejha u tara x’kien qed jiġri u sabet lil missierha għalkopptejh fuq is-sodda jsawwat lil ommha. Maħsuda marret fuq missierha u talbitu jieqaf. Minkejja dan, ma waqafx u meta ratu ħiereġ fil-gallarija – kif kien qal lil pulizija li ġara fl-ewwel stqarrija tiegħu – pruvat taqbadlu jdejh.  

Hija sostniet li rat lil ommha fil-gallarija u ċemplet lil nannuha biex imur għandhom mal-ewwel.  

Mistoqsija fuq ir-relazzjoni tagħhom it-tifla qalet li dawk kienu qishom kelb u qattus u li ħafna drabi kien missierha li jinstiga l-argumenti. Apparti minn hekk kienet qalet li rat lil missierha jaqsam squeezer fuq ommha. Min-naħa l-oħra mhix l-ewwel darba ukoll li rat lil ommha taqbad sikkina biex tiddefendi ruħha. Fil-fatt darba kienet girfitu b’sikkina u qaltlu “b’din inxoqqok.”  

It-tifla qalet ukoll li f’mument ta’ rabja kienet qaltlu li t-tfal it-tewmin tagħhom ma kinux tiegħu.  

Sostniet ukoll li mhux l-ewwel darba li missierha ipprova jagħmel suwiċidju permezz ta’ xokk elettriku. Tant hu hekk li darba kien wissiha biex ma tmissux wara li jieħu x-xokk iżda għandha tmur iċċempel lil nannuha. Grazio ma kienx l-uniku wieħed li pprova jagħmel dan, fil-fatt żiedet tgħid li ommha ippruvat ittemm ħajjitha darbtejn għaliex “ma kinitx tiflaħ għas-swat li kienet qed taqla’.”  

Tibda’ issa l-verżjoni ta’ Grazio. Huwa stqarr li darba martu kienet taħdem f’Paceville, San Ġiljan iżda ma tantx kienet togħġbu l-idea, għax għalih dan kien ifisser li jkollu aktar xogħol tad-dar. Qal ukoll li mhux l-ewwel darba li spiċċat mix-xogħol u daħlet id-dar fl-4a.m.  

Huwa semma l-inċident tal-lasta tal-isqueezer u li martu kienet tagħtu daqqa biha u laqtitu f’għajnejh. Tant hu hekk li kellu jmur għand il-ġirien biex jagħtuh xi ħwejjeġ u joħduh l-isptar. Huwa qal li ġieli kienet tħebb għalih u tinsulentah.  

Irrakkonta fil-Qorti li fl-1993 kien mar il-Kanada waħdu bil-għan li jsib xogħol iżda ma rnexxilux. Meta ċempel lil Diane hija irrifjutat li tmur tiltaqa’ miegħu l-Kanada għax riedet li tissepara minn miegħu. Dakinhar fil-Kanada stess, Grazio prova jtemm ħajtu billi bela’ ħafna pilloli u meta ċemplilha mill-Isptar hija qaltlu li jekk imur lura Malta, hija kienet se taċċettah. Fil-fatt stqarr li mar lura Malta għax ma riedx li jkisser lil familtu.  

Waqt il-ġuri tissemma diversi drabi li Grazio kien qed jissuspetta li martu kienet qed taqlibhielu. “F’għeluq sninha qalet li marret tiċċelebra mal-ħbieb iżda kelli informazzjoni li kienet ma’ raġel ieħor.”  

Huwa qal li anke hi ippruvat ittemm ħajjitha tant li darba ssakkret fil-kamra tal-banju u b’biża’ kien ċempel lil missierha, in-nannu li ssema’ diversi drabi.  

F’xhieda li kienet instemgħet fil-magħluq intqal li l-vittma kienet taqlibha lir-raġel mhux biss ma’ dawk li kienet taħdem magħhom iżda ma’ nies li kienu joqgħodu fil-qrib tal-familja kif ukoll ma’ dawk li kienu jmorru jagħmlu xi xogħol id-dar.  

L-avukat difensur qal ukoll li l-vittma kienet tilgħab bl-emozzjonijiet ta’ żewġha, b’mod partikolari meta kienet tħallih jagħmel atti sesswali magħha, “għax kienet titħassru.” Dan irribattih l-avukat tal-prosekuzzjoni li qal li r-raġuni għaliex inqatlet Diane kien għax il-vittma riedet tissepara minn ma’ żewġha.  

X’kien il-verdett?  

Filwaqt li b’sitt voti kontra tlieta Grazio Gerada nstab ħati bi qtil volontarju, huwa ma skontax sentenza wara l-verdett. Is-sentenza tiegħu kienet tgħid li dan id-delitt seħħ f’ċirkustanzi ta’ passjoni istantanja u minħabba provokazzjoni tal-mara. Fil-fatt l-Imħallef Caruana Colombo qal li l-akkużat kien ibati minn disturbi mentali u mill-provi li dehru quddiem il-Qorti, “dawn kienu ikkawżati mill-imġieba kapriċċuża u skunsiderat tal-vittma.” Huwa qal li waqt il-ġuri ntqal li hija kienet kattiva u umiljat lil żewġha quddiem bintha u nies oħra.  

Minkejja din l-imġieba l-Imħallef saħaq li l-qtil xorta huwa inaċċettabbli u għaldaqstat wara li qies il-kondotta tal-akkużat u l-voti tal-ġurati, huwa ikkundanna lil Grazio għal erba’ snin ħabs, li minnhom kellu jitnaqqas il-perjodu li kien għamel f’arrest preventiv, jiġifieri erba’ snin ukoll. Dan ifisser, fi kliem sempliċi, li l-akkużat minkejja li nstab ħati talli irreaġixxa għal provokazzjoni ta’ martu u ngħata erba’ snin ħabs, huwa kien diġà skontahom, sakemm laħaq instema u tlaqqa’ l-ġuri. Għaldaqstant, wara li ngħata l-verdett, Gerada ħareġ minn bieb il-Qorti, bniedem liberat.  

Il-qtil li kien misteru 26 sena ilu u jibqa’ sa llum... Min hu Peter Jones? 

Ftit li xejn nafu min hu Peter Jones, ħlief li kellu 58 sena, kien joqgħod fi Triq Armery f’Tas-Sliema, kien sid ta’ Guesthouse fl-istess lokalità u li nqatel misterjożament nhar l-10 ta’ Ottubru 1997.  

X’ġara dakinhar tad-delitt?  

Jones instab mejjet minn ħuh u wieħed min-neputijiet tiegħu fl-appartament tiegħu, fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni. Huwa ġie skopert hekk kif il-ġirien kienu ilhom jiem ma jarawh u għaldaqstant, imħassbin, kienu ċemplu lill-familja. Iżda huma ma kellhomx ċavetta u kellhom jitilgħu fuq il-bejt u jaċċessaw l-appartament b’sellum.  

Jones instab mgħotti fuq is-sufan bil-ħwejjeġ ta’ taħt, liebes il-kalzetti u żarbuna waħda biss. Huwa instab bi ġrieħi f’għonqu, madwar il-gerżuma u f’sidru. Dawn kienu ikkawżati minn arma li taqta u bil-ponta, aktarx sikkina.  

Dwar il-qtil tiegħu kien hemm diversi teoriji ta’ kospirazija inkluż li seta’ inqatel minn xi maħbub jew għaliex kien kellem lill-pulizija dwar il-qtil ta’ Fathi Sqaqi. Minkejja dan, sena qabel kien hemm qtil ieħor li qajjem suspett dwar konnessjoni, dak ta’ Hishan Ali Mohammed Amer.  

Amer, Libjan ta’ 24 sena, kien qiegħed jgħix fil-guesthouse ta’ Jones meta nqatel nhar il-21 ta’ Awwissu 1996. Huwa instab fuq il-blat fil-ponta ta’ Tignè bi 13-il daqqa ta’ sikkina. Jingħad li Amer kien jagħmel parti minn grupp kontra l-Kurunell u mexxej tal-Libja, Muammar Gaddafi. 

Il-feriti tiegħu kienu simili għal dawk ta’ Jones, jiġifieri f’għonqu, f’sidru u f’ġenbu. Dakinhar li nstab maqtul, Jones kien identifika lill-katavru. Fuq ix-xena tad-delitt kien instab ukoll stallett li aktarx seta’ intuża biex joqtol lil Amer.  

Fil-każ ta’ Amer il-Pulizija kienet investigat lil xi żgħażagħ Libjani, iżda bħal ta’ Jones, dan baqa’ ma ġie solvut qatt. Il-Pulizija għamlet diversi arresti fuq il-qtil ta’ Jones iżda dan ukoll baqa’ qatt ma ġie solvut.  

L-informazzjoni biex inkiteb dan l-artiklu ittieħed minn artikli ta' kmamar tal-aħbarjiet kif ukoll mill-ktieb ta' Eddie Attard, Delitti f'Malta. 

More in Kronaka