41 sena wara l-qtil ta' Lino Cauchi, l-eredi tiegħu jingħataw kumpens ta' €615,000

Il-Familja ta' Cauchi titlob lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jerġa' jinvestiga l-każ 'u l-persuni responsabbli jirrispondu quddiem il-Qorti għal għemilhom' 

Proprju 41 sena mill-qtil ta' Lino Cauchi, l-eredi tiegħu - martu u ibnu - ingħataw kumpens ta' €615,000. Dan irriżulta wara li l-armla Anna Cassar u ibnu Paolo Cauchi fetħu kawża kostituzzjonali kontra l-Prim Ministru, Robert Abela fl-2020.

Għaldaqstant illum, l-istat insab ħati li ma nvestigax kif suppost l-għibien u l-qtil ta' Lino Cauchi. Intant fi stqarrija l-familja ta' Cauchi saħqet li l-familja se tibqa' tiġġieled għall-ġustizzja u tħeġġeġ lill-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, jordna li mill-ġdid, "biex il-Pulizija jerġgħu jarblu l-evidenza kollha u l-persuni responsabbli jirrispondu quddiem il-Qorti għal għemilhom." 

Cauchi għeb fi Frar tal-1982 iżda ġismu nstab ġewwa bir fil-Buskett, tliet snin wara. Il-qtil tiegħu baqa' qatt ma ġie solvut.

Cauchi kien l-accountant u kien jaħdem ma' Diamantino-Manfré qabel ma ddeċieda li jaħdem għal rasu. Eventwalment kien l-accountant tal-id il-leminija tal-eks Ministru Laburista Lorry Sant u l-iżviluppatur Piju Camilleri. 

Dakinhar li għeb huwa telaq minn daru f'Santa Venera biex imur fl-uffiċċju tiegħu fil-Belt iżda qatt ma rritorna lura. Huwa kellu bagalja (briefcase) iżda din instabet miftuħa fic-Chadwick Lakes. Minkejja dan, Cauchi baqa' ma nstabx. Martu kellha fil-pussess tagħha bagalja oħra ta' tiegħu u li kien qalilha biex ma titlaqiex minn taħt għajnejha. L-għada tal-għibien ta' Cauchi ċertu Charles Zammit, identifika lilu nnifsu bħala uffiċjal tal-taxxa u talab għal din il-bagalja. 

Għaddew tliet snin u bidwi fil-buskett sab fdalijiet umani ġewwa bir. Il-ġisem ġie mqatta u mitfugħ f'diversi boroż tal-plastik. Eventwalment, il-ġisem ġie identifikat bħala Lino Cauchi. 

Dan l-artiklu qed jiġi aġġornat. 

More in Kronaka